Ikkonfermata l-istorja tal-ILLUM ... Dalli għal Kummissarju Ewropew u Zammit Lewis Ministru

Muscat fakkar li Dalli se tkun l-ewwel Kummissarju mara nnominata minn Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jinnomina lill-Ministru Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew hekk kif f'Ottubru li ġej se tkun qed tiġi ffurmata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

Fuq Twitter, Muscat kiteb li Dalli se tkun l-ewwel Kummissarju mara nnominata minn Malta u għalhekk ġiet ikkonfermata storja oħra żvelata mill-ILLUM f'Diċembru tal-2018 u kkonfermata mill-ġdid fl-24 ta' Ġunju li għadda.

Fi Tweet separata, Muscat kiteb li Dalli se tkun qed tirriżenja minnufih minn Ministru biex tkun tista' tibda tipprepara għal dawk magħruf bħala l-grilling li jiddetermina jekk in-nomina tagħha tkunx approvata.

Postha bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza se jkun qed jieħdu Edward Zammit Lewis.

Fi-tielet u l-aħħar Tweet, il-Prim Ministru rringrazzja lil Karmenu Vella li għal dawn l-aħħar snin serva bħala Kummissarju Ewropew għall-Ambjent.

Fakkar li huwa mexxa kampanja globali kontra r-rimi tal-plastik fl-ibħra.

Il-Prim Ministru jidher li għandu xi ħaġa f'moħħu għal Vella hekk kif kiteb li qed iħares 'il quddiem biex Karmenu Vella jkollu "sehem f'attivitajiet relatati mal-Gvern."

Kienet l-ILLUM l-ewwel li żvelat isem Helena Dalli nhar is-16 ta' Diċembru 2018
Kienet l-ILLUM l-ewwel li żvelat isem Helena Dalli nhar is-16 ta' Diċembru 2018

'Il-gvern b’messaġġ b’saħħtu favur is-sehem tan-nisa fis-soċjetà' - PL

Intant, fi stqarrija, il-Partit Laburista, filwaqt li awgura lil Helena Dalli, saħaq li l-Gvern Laburista qed ikun protagonist f’dik li hi fiduċja fis-sehem tal-mara.

 "Wara li ħatar iż-żewġ Presidenti tar-Repubblika nisa li kellu pajjiżna u l-uniku speaker mara, issa l-Prim Ministru Laburista qed jinnomina l-ewwel Kummissarju mara.  Din hi nomina f’waqtha meta l-pajjiż qed jiddiskuti riforma biex iktar nisa jagħtu s-sehem tagħhom fil-politika," saħaq il-Partit Laburista.

Awgura wkoll lil Edward Zammit Lewis u radd ħajt lill-Kummissarju Karmenu Vella għall-ħidma tiegħu fl-aħħar ħames snin.

More in Politika