Boris Johnson mistenni jħabbar il-Gvern il-ġdid aktar tard illum

Wara laqgħa mar-Reġina, Johnson jidħol għall-ewwel darba bħala Prim Ministru f'Downing Street fejn se jindirizza lin-nazzjon 

Illum, Boris Johnson se jkun qed jidħol għall-ewwel darba bħala Prim Ministru f’Downing Street minn fejn se jieħu l-poter mingħand Theresa May.

Il-mexxej il-ġdid tal-Partit Konservattiv se jkun qed isir uffiċjalment il-Prim Ministru Ingliż wara laqgħa mar-Reġina Eliżabetta II, fil-Palazz Buckingham.

Wara li jmur fir-residenza u l-uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż f’Downing Street, Johnson mistenni jħabbar kif se jkun iffurmat il-Gvern il-ġdid li se jkun qed imexxi.

Apparti minn hekk, Johnson se jkun qed jindirizza għall-ewwel darba lir-Renju Unit.

Skont rapporti fuq midja internazzjonali, Johnson mistenni jżid in-numru ta’ nisa fil-kabinett u anke joffri karigi lil dawk li ġejjin minn minoritajiet etniċi.

Wara li rebaħ din l-elezzjoni, Johnson saħaq li l-prijoritajiet tiegħu se jkunu li jara li jseħħ Brexit, jgħaqqad il-pajjiż u jirbaħ lill-Kap Laburista Jeremy Corbyn.

F’elezzjoni fil-Partit Konservattiv, Boris Johnson kiseb il-fiduċja ta’ 66.4% ta’ dawk li tefgħu l-vot tagħhom.

Huwa rebaħ lil Jeremy Hunt, li sal-lum huwa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ingliż.

More in Politika