L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni se jkun qed jinvestiga ż-żieda fil-prezz tal-ħalib

L-Uffiċċju saħaq li dan qed isir bil-qbil mal-kumpanija nnifisha

L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni se jkun qed jinvestiga ż-żieda fil-prezz tal-ħalib kif imħabbra llum mill-Malta Dairy Products Ltd (Benna).

Fi stqarrija, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni saħaq li f'suq kompetittiv, il-Malta Dairy Products Ltd (Benna) għandha kull trid li tistabbilixxi l-prezz tagħha, iżda minħabba l-fatt li din ftit li xejn għandha kompetizzjoni u għalhekk għandha pożizzjoni b'saħħitha fis-suq, iż-żieda ma tistax tkun waħda eċċessiva għad-dettriment tal-konsumatur.

L-Uffiċċju fakkar kif meta s-sena li għaddiet kien hemm indikazzjonijiet li l-prezz seta' jiżdied, kellu laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija fejn intlaħaq qbil li jekk isseħħ żieda fil-prezz, l-Uffiċċju kien se jitlob id-dettalji dwar kif din tkun ġiet stabbilita.

Għalhekk, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ħabbar li se jkun qed jibda investigazzjoni biex jeżamina jekk din iż-żieda hijiex ġustifikata jew inkella hijiex "riżultat ta' abbuż mill-pożizzjoni dominanti (tal-kumpanija) bi ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni."

Aqra hawn kif se jkunu qed jogħlew il-prezzijiet min-nhar it-Tnejn li ġej.

More in Politika