Issa uffiċjali! Jitħabbar l-investiment fit-trakka taż-żwiemel fil-Marsa

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima jinawgura dak li qed ikun meqjus bħala l-akbar investiment li qatt sar f'dan il-qasam sportiv partikolari

€28 miljun f'investiment fit-trakka taż-żwiemel
€28 miljun f'investiment fit-trakka taż-żwiemel

Dalgħodu f'konferenza tal-Aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Żgħażagħ u Għaqdiet non-Governattivi Clifton Grima nieda il-proġett li se jkun qiegħed jagħti ħajja ġdida lit-trakka taż-żwiemel fil-Marsa.

Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat dan l-investiment u x'se jkun qed jinkorpora

Fid-diskors tiegħu Edwin Borg, iċ-Chairman tal-Marsa Racing Club, qal li dan huwa mument li ilhom jistennew ħafna s-sidien taż-żwiemel u dilettanti ta' dan l-isport. Huwa tkellem dwar il-problemi li entità tagħhom taffaċja sabiex tmexxi l-operat tal-Marsa racing club. "Prattikament impossibbli li entità sportiva tidħol f'investiment bħal dan waħedha. Fl-aħħar qed insibu nies li lesti jinvestu biex isir dan l-investiment u jsir bis-serjetà." 

Parti importanti minn dan il-proġett hi li se tkun qed tinħoloq żona ta' rikreazzjoni biswit it-trakk attwali. Lydia Abela, konsulent mat-Taqsima tal-Ipprivatizzar tal-Gvern, spjegat kif wara li kienet ippubblikata sejħa għal proposti, l-Gvern irċieva proposta waħda mill-Marsa Race Track Limited. B'hekk dan se jingħata l-konċessjoni taż-żona għal 65 sena b' investiment ta' €28 miljun. Abela saħqet li l-gvern għamilha ċara waqt l-inegozjar li żvilupp residenzjali f'din iż-żona mhux se jkun permess.

Apparti minn dan, il-konsorzju intrabat li t-tiġrijiet taż-żwiemel jibqgħu għaddejjin xorta waħda wara li jibda x-xogħol fuq it-trakka. Pio Valletta f'isem il-konsorzju sostna li dan il-proġett għandu diversi elementi li jiddistingwuh minn oħrajn. "Dan huwa l-akbar investiment li qatt sar fl-isport f'dan il-pajjiż. Apparti minn hekk se jkun qed jirriġenera żona li ilha żmien tibki għal ħajja ġdida."

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari Grima spjega li l-investiment f'din iż-żona se jkun qiegħed jidroppja. "Rajna li l-partijiet interessati kollha jersqu lejn xulxin biex ikollna proġett li jibbenifika l-pubbliku ġenerali kollu.

"Din hi l-missjoni tal-Gvern li jitfa' l-isport fuq l-ogħla aġenda politika," saħaq Grima. Huwa spjega wkoll li matul is-sena li għaddiet attendew mas-60,000 persuna għat-tiġrijiet taż-żwiemel.

"Għamilna emfasi li l-parti sportiva titlesta qabel dik kummerċjali. Huwa importanti li d-dilettanti jkomplu jgawdu l-isport tagħhom." 

Interessanti wkoll li se titwaqqaf Awtorità li tirregola it-tiġrijiet taż-żwiemel f'Malta. Din se tkun responsabbli mir-reġistrazzjoni u żamma adegwata taż-żwiemel tat-tiġrijiet f'Malta. fuq fin Grima qal li huwa pass importanti sabiex tissalvagwardja l istandards tal-isport lokali.

 

 

More in Politika