Graffitti se jorganizzaw protesta; Jippubblikaw lista sħiħa ta' raġunijiet

Fil-jiem li ġejjin il-Moviment Graffitti se jkun qed iħabbar id-dettalji ta' protesta li se jkun qed jorganizza għal diversi raġunijiet

Il-Moviment Graffitti ħabbar li se jkun qed jorganizza protesta mhux biss kontra l-proġett Central Link iżda kontra diversi aspetti li fi kliemhom mhux qed jirrispettaw liċ-ċittadin Malti.

Fuq Facebook, Graffitti insistew li din il-protesta se toffri spazju mhux partiġġjan u li jinkludi lir-residenti u l-NGOs minn madwar Malta u Għawdex biex flimkien isemmgħu leħinhom kontra l-iżvilupp esaġerat u aspetti oħra.

Fil-fatt, l-attivisti  ppubblikaw lista ta’ raġunijiet li dwarhom se tkun qed issir il-protesta. Il-lista kif ippubblikata hija din:

  • kontra l-ħakma u l-bullying tal-iżviluppaturi f’Malta
  • kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u l-membri tagħha, ġunta militari li kull ġimgħa tissentenzja eluf ta’ kilometri kwadri għall-qerda;
  • kontra l-infurzar tar-regolamenti dwar il-bini mill-MDA stess;
  • kontra l-istrapoter tan-negozjanti, li moħħhom biex jibnu t-torrijiet biex jidfnukom fid-dlam;
  • kontra s-serq tal-art pubblika għal somom ta’ flus miżeri;
  • kontra n-nuqqas ta’ strateġija għat-trasport affordabbli, inklużiva u ekoloġika;
  • kontra l-politiki ambjentali superfiċjali;
  • kontra l-korruzjoni ta’ ħafna persunaġġi involuti fl-ippjanar;
  • kontra s-sistema fejn min jagħti donazzjoni elettorali lil politikant jiswa aktar mill-vot tagħna;
  • kontra l-arroganza li biha l-awtoritajiet jittrattaw lill-komunitajiet madwar Malta u Għawdex;
  • kontra l-ħolm ikrah ta’ land reclamation fin-nofsinhar ta’ Malta;u
  • kontra t-tkissir bl-addoċċ tal-ħajja Maltija minn grupp ċkejken ta’ sinjuruni;

Graffitti saħaq li se jkun qed joħroġ ukoll lista ta’ proposti li jeħtieġ jinbidlu f’liġijiet.

Id-detallji dwar din il-protesta se jingħataw fil-jiem li ġejjin.

More in Politika