Il-Gvern jgħid li se jkun qed jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-MoneyVal

Jikkritika wkoll il-mod kif dan ir-rapport li kien għadu mhux iffinalizzat ġie żvelat fil-midja u jisħaq li dan sar biex jimbarazza lill-awtoritajiet Maltin

Il-Gvern wiegħed li se jkun qed jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-MoneyVal wara l-evalwazzjoni li saret fuq Malta f’Novembru tas-sena li għaddiet.

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li “Malta hija kommessa li tipprevjeni, tintraċċa kif ukoll tipprosegwixxi kontra attivitajiet relatati ma’ ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu.”

Il-Gvern inssta li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jkunu qed jiżdiedu ma’ numru ta’ inizjattivi li diġà bdew jittieħdu bħala parti mill-istrateġija nazzjonali ta’ Malta b’rabta ma’ dan is-suġġett kif ukoll mill-pjan ta’ azzjoni għat-tliet snin li ġejjin fl-istess qasam.

Ir-rapport MoneyVal huwa tal-Kunsill tal-Ewropa u huwa kunfidenzjali sakemm jiġi ppubblikat mill-MoneyVal. Ir-rapport jista’ jiġi ppubblikat biss mill-MoneyVal ġaladarba jkun intemm il-proċess formali. Il-pubblikazzjoni sħiħa tiegħu mistennija ssir f’Settembru li ġej. 

Fi stqarrija, il-Gvern insista li Malta dejjem irrispettat il-proċeduri u l-kunfidenzjalità ta’ rapporti u għalhekk ikkundanna l-fatt li r-rapport, li wasal fil-ħames stadju tiegħu, ġie żvelat.

“Dak li ġie żvelat kien abbozz ta’ rapport li kien fi stadju bikri u li kien soġġett għal diversi tibdiliet kif ukoll għaliex ġew żvelati partijiet mill-istess rapport li għadu soġġett għall-proċess ta’ evalwazzjoni,” saħaq il-Gvern. “Dan l-iżvelar mhux biss wassal għal pressjoni żejda fuq il-proċess ta’ evalwazzjoni imma kien intenzjonat ukoll biex jimbarazza lill-awtoritajiet Maltin mal-Kunsill Ewropew.”

More in Politika