'Il-Gvern ħataf il-proċedura Parlamentari u qed jiddetta l-aġenda' - PD

Il-PD jilmenta dwar numru ta' kumitati parlamentari li ilhom xhur ma jiltaqgħu

Il-Partit Demokratiku akkuża lill-Gvern li qed jiddetta l-aġenda Parlamentari u li ħataf il-proċedura tiegħu.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku lmenta kif diversi Kumitati Parlamentari ilhom xhur ma jitlaqqgħu.

Fost dawn semma l-Kumitat Permanenti tal-Parlament, liema kumitat jipprovdu opportunità demokratika għal stħarriġ u għad-diskussjoni qabel ċertu sejbiet u riżultati fuq suġġetti partikolari jistgħu jittellgħu l-plenarja.

“Il-Parlament qed jonqos milli jkun kontabbli lin-nies. Dawn il-kumitati huma sors uniku ta’ kuntatt wiesa’. Il-pubbliku u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu s-sies tagħhom,” insista Godfrey Farrugia.

Fost dawn semma kif il-Kumitat tal-Petizzjonijiet ilu ma jiltaqa’ mill-bidu tas-sena, bl-aħħar laqgħa saret fl-24 ta’ Ottubru 2018.

Semma kif l-ebda mill-petizzjonijiet ppreżentati mill-pubbliku f’din il-leġislatura lill-Parlament ma ġew proċessati s’issa, billi għadha ma ġietx stabbilita proċedura standard.

Insista wkoll li l-Kumitat tas-Saħħa ma żammx laqgħa wħda mill-aħħar waħda li saret fil-5 ta’ Diċembru 2018. Farrugia fakkar li Il-PD talab lil dan il-Kumitat jiddiskuti l-effetti tal-5G fuq is-saħħa u benessre tas-soċjetà.

Kompla jisħaq li l-Kumitat tal-Ambjent ma ddiskutiex il-proposta tal-PD biex tiġi mixtarra l-Policy Rurali tal-Awtorità tal-Ippjanar.

“Mhux biss, talli l-Att dwar id-Dominju Pubbliku tħalla fl-abissi għat-trab flimkien ma’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet, minkejja l-insistenza tagħna,” tkompli l-istqarrija.

Semma kif il-Kumitat tal-Public Accounts iltaqa’ 47 darba f’din il-leġislatura minn mindu l-PD talbu – sentejn ilu f’Awwissu tal-2017 – biex jirrakkomanda li l-Awditur Ġenerali jinvestiga u jiċċekkja jekk kienx hemm ksur fil-kuntratt ta’ Smart City.

“L-integrità u r-reputazzjoni tal-Parlament għandhom bżonn jiġu restawrati. B’urġenza,” temm jisħaq Farrugia.

More in Politika