Intervista | ‘Għandi bżonn l-għajnuna tad-Deputati biex noħorġu lill-Partit mill-kriżi li qiegħed fiha’

Se jmexxi riforma fil-PN, iżda se jirnexxielu jgħaqqad il-partit? Se jikkonvinċi lid-Deputati jingħaqdu wara l-Kap? L-ILLUM tistaqsi lil Louis Galea

Louis Galea, se jkun qed imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista, imma kemm hu fiduċjuż li se jirnexxielu? Kapaċi jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista wara Adrian Delia? U jekk le? X’jaħseb li hi l-akbar problema li għandu l-Partit Nazzjonalista u x’jaħseb li kienu l-aqwa u l-agħar deċiżjonijiet li ħa Delia? Imma Galea ma kienx tal-fehma li Delia jirtira l-kandidatura tiegħu biex isir kap? L-ILLUM tistaqsih

Inti ġejt magħżul biex tipprova ssalva lill-Partit Nazzjonalista milli jsir partit irrilevanti. Kemm int fiduċjuż li se jirnexxilek terġa’ tqajjem lill-Partit Nazzjonalista fuq saqajh?

Qed tesaġera tuża l-kelma ‘ssalva’. Il-problemi li għandu l-PN huma diffiċli daqskemm huma sempliċi li ssolvi. Jiddependi biss minn kemm ikun hemm rieda ġenwina bejn in-nies ta’ fehmiet differenti fuq id-diversi kwistjonijiet li nibtu, inkluż dwar it-tmexxija.

Xogħli hu li nipprova niffaċilita atmosfera ta’ djalogu ġenwin fejn l-imħuħ jiġu flimkien, isibu dak li jgħaqqadhom, u flimkien naraw kif ser insibu s-soluzzjonijiet għal dak li qed jifridhom. Jekk dan jirnexxi, il-PN jibda l-proċess biex iqum fuq saqajh.

Waħda mill-akbar problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista hija li hemm persuni li akkost ta’ kollox ma jridux jaħdmu ma’ Adrian Delia. Taħseb li inti kapaċi tgħaqqad dawn iż-żewġ ‘fazzjonijiet’ flimkien? Taħseb li l-Partit Nazzjonalista kollu kemm hu kapaċi jingħaqad wara Adrian Delia?

Jien dħalt għal dan ix-xogħol bil-kundizzjoni li nkun indipendenti, imparzjali u ġust ma’ kulħadd. Kif diġà għidt, il-kwistjoni  tat-tmexxija hija waħda mill-kwistjonijiet. Imma waħda biss. Anke kieku kulħadd jintefa’ wara l-Kap preżenti xorta jifdal kwistjonijiet serji ta’ politika u ta’ organizazzjoni li jridu jiġu solvuti.

Jien beħsiebni niffoka fuq dawn bħala pre-kondizzjoni biex jekk hu possibbli il-kwistjoni tat-tmexxija tkun tista’ tiġi kkunsidrata bir-raġuni, rispett u kalma. Il-kwistjoni tat-tmexxija mhix f’idejja imma f’idejn l-organi tal-Partit.

X’se jkunu l-prijoritajiet tal-ħidma tiegħek? Iltqajt ma’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista? Jekk dawn jibqgħu akkost ta’ kollox ma jaċċettawx lil Delia, inti x’tista’ tagħmel?

L-ewwel kuntatt tiegħi kien mad-Deputati – issa qed inħejju skeda biex inkun nista’ niltaqa’ ma’ kull waħda u wieħed minnhom. Għalkemm il-Grupp Parlamentari huwa inkluż fl-Istatut tal-Partit jien nirrikonoxxi li l-Membri Parlamentari għandhom funzjoni essenzjalment Kostituzzjonali fil-Parlament. Huma mhumiex eletti mit-tesserati imma mill-firxa tal-poplu li jappoġġja l-Partit.

Anke kieku kulħadd jintefa’ wara l-Kap preżenti xorta jifdal kwistjonijiet serji ta’ politika u ta’ organizazzjoni li jridu jiġu solvuti

Jien nirrispetta u napprezza l-intelliġenza u l-esperjenza tagħhom u għandi bżonn l-għajnuna u l-koperazzjoni tagħhom biex noħorġu l-Partit mill-kriżi li qiegħed fiha

Inti li qed tara l-affarijiet minn perspettiva differenti, taħseb li Delia huwa l-akbar problema li għandu l-PN? Jew taħseb li hemm fatturi oħra li qed iżommu lill-PN milli jqum fuq saqajh

Ibda minni, ħadd mhu perfett. Ilkoll għandna l-karattru u d-diffikultajiet tagħna, min mod u min ieħor. Dawn id-diffikultajiet ma nistgħux ninjorawhom. Imma fil-fehma tiegħi l-għeruq tal-kriżi tal-PN imorru lil hinn mill-kwistjoni tal-Kap.

Ma taħsibx li l-problemi fil-PN ilhom ġejjin mill-2008, meta l-PN rebaħ elezzjoni b’1,500 vot biss u għamel ħames snin jiġġieled biex ma jaqax il-Gvern? Ma taħsibx li fil-PN għad hemm persuni li minħabba fihom il-Partit qala’ tkaxkira kbira fl-2013 u li n-nies għadhom ma jridux jafu bihom?

Hemm biċċa verità f’li qiegħed tgħid. Naturalment in-nies involuti fil-politika dejjem għandhom responsabbilità x’jerfgħu. Imma huma wkoll in-nies li l-poplu jagħżel fl-elezzjoni. Is-sistema tagħna ma tħallix Partit fil-libertà jpoġġi fil-gvern lil min irid u min jaħseb li hu l-aħjar. Il-Gvern bilfors irid jiġi fformat minn fost il-Parlamentari eletti.

Imma l-PN barra milli jrid jiġġedded fin-nies tiegħu f’kull livell, jeħtieġ ukoll jiġġedded fl-ideat, fl-atteġjament, kif jikkomunika. Irid jikseb lura l-fiduċja li hu Partit kredibbli, f’sinfonija mal-aspirazzjonijiet, il-kultura u l-bżonnijiet li s-soċjetà tal-lum tħoss li huma importanti għaliha. Spiss issir il-mistoqsija xi jfisser  li tkun Nazzjonalist. Qabel inwieġbu din, irridu nifhmu l-mod kif inbidel it-tessut li jinseġ is-soċjetà, u naraw li lkoll nifhmu l-ħtiġijiet tal-bidla.

Ħafna qed iħarsu lejk u jqisuk bħala kap interim tal-Partit Nazzjonalista. Taħseb li l-fatt li l-PN afda lilek waħdek b’din il-missjoni, bagħat il-messaġġ li inti se tidħol biex twettaq dak li Adrian Delia bħala kap ma rnexxilux jagħmel?

Le, ma naqbilx. In-nuqqas ta’ qbil li hemm fil-Partit illum jeħtieġ ħabib li jressaq in-naħat differenti flimkien biex isibu soluzzjonijiet. Sakemm jibqgħu mifrudin ftit li xejn jista’ jsir, sew mill-Kap, ikun min ikun, kif ukoll mill-Partit b’mod ġenerali.

Ma taħsibx li kien ikun aktar għaqli kieku inti ma kontx waħdek, iżda parti minn kummissjoni? Ma taħsibx li dan kien inaqqas mill-immaġini li inti sirt l-kap interim tal-Partit Nazzjonalista?

 

Id-deċiżjoni formali u l-għażla ma kinux tiegħi. Però nassigurak li mhux biss m’iniex ser naħdem waħdi talli qed naħdem ma’ ‘kummissjoni’ ta’ mijiet ta’ membri tal-Partit, inkluż Deputati. Mingħajrhom ma nagħmlu xejn, sew jekk  ikun ‘facilitator’ wieħed u sew ikun hemm Kummissjoni. Jien xammart il-kmiem u diġà ilni ġimgħa naħdem. Issa fadalli 51 ġimgħa l-aktar.

Il-fatt li minn tant nies, il-Partit Nazzjonalista għażel lilek, ma taħsibx li bagħat il-messaġġ li fil-preżent, il-Partit Nazzjonalista ma għandu lil ħadd kapaċi biex iqajjem lill-PN fuq saqajh u għalhekk kellu jdur lura għall-passat?

Le. Hemm ħafna nies li għandhom id-dehen u l-ħila li jmexxu l-Partit ’il quddiem. Imma l-ewwel hemm bżonn l-għaqda. B’għaqda m’aħniex nifhmu blokka riġida. Qed nifhmu diversità – ta’ nies, karattri, ideat – li kapaċi tiddjaloga biex tfittex għaqda fuq sensiela ta’ miri, skopijiet, komuni li t-twettiq tagħhom ikun ta’ ġid għall-poplu kollu.

Il-Partit bagħat messaġġ dwar l-importanza li jridu jieqfu l-botti u l-kontro botti, u nfittxu l-għaqda billi nnisslu sens ta’ rispett u fiduċja reċiproka.

Il-Partit mhux qed idur lura għall-passat. Qed jappella lil kulħadd li ma naħlux aktar ħin għax hemm futur sabiħ u interessanti jistenniena. Ejja ma nitilfuhx.

Hemm min qed jgħid ukoll li issa, la hemm inti tmexxi din ir-riforma, il-kunsilliera għandhom iserrħu rashom li jekk Adrian Delia jitneħħa minn kap, hemm kap interim li kapaċi jmexxi proċess kalm biex il-PN jeleġġi kap ġdid. Kif twieġeb?

Ikun ibleh min iserraħ rasu b’dan il-mod. Is-sitwazzjoni fil-Partit hi kumplessa aktar minn hekk. Min jaħseb hekk juri li mhux qed jifhem ir-realtà politika sħiħa li fiha qed jgħix il-PN illum – ir-realtà politika interna u dik barra l-Partit. Kieku kienet daqshekk sempliċi ma kienx ikun hemm bżonn ngħaddu minn proċess kif bdejna nagħmlu ta’ riflessjoni, tisfija, riorganizzazzjoni, jista’ jkun ukoll ristrutturar fil-Partit.

Ir-riżultati elettorali li kellna mill-2003 ’l hawn, inkluż fi gvernijiet fejn kont involut, juru li l-proċess tat-tiġdid meħtieġ ma sarx

Ir-riżultati elettorali li kellna mill-2003 ’l hawn, inkluż fi gvernijiet fejn kont involut, juru li l-proċess tat-tiġdid meħtieġ ma sarx. Spiss naqgħu fin-nassa, fejn il-problema tibqa’ tiġi ppersonfikata f’individwu jew ieħor. Spiss dan iwassal biex ikun hemm posponiment tal-proċess ta’ aġġornament meħtieġ. It-tiġdid irid serenità ... u li jkun ta’ kulħadd. Din hi l-isfida.

Meta kien se jkun elett Kap ġdid għall-PN, inti kont qed tmexxi l-Kumitat Konsultattiv dwar Imġiba Xierqa. Rapport iffirmat minnek jgħid: “Hemm aspetti oħra pendenti li għadhom mhumiex verifikati u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalità tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi... F’dan ir-rigward, il-Kumitat iħoss li kien hemm nuqqas min-naħa ta’ Dr Delia li ma informax minn rajh u mill-ewwel lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit, kif obbliga ruħu li jagħmel.” Dan ma taħsibx li jista’ jitfa’ dubju fuq l-imparzjalità u l-indipendenza tiegħek?

Dak ir-rapport inkiteb minn Kumitat li mexxejt jien u li kien twaqqaf mill-Kunsill Amministrattiv meta l-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit kienet diġàbdiet. Dak ir-rapport, li għalih ingħatajna biss tmienja u erbgħin sigħa, sar fil-limiti tar-riżorsi li kellna u bl-indipendenza u imparzjalità sħiħa li kienet tixraq għal kwestjoni daqstant delikata f’mument mill-aktar delikat. Sfortunatament il-Kunsill Amministrattiv dak iż-żmien ma ta l-ebda każ veru ta’ dak ir-rapport.

Minflok qabdu u bagħtu r-rapport lill-Kunsilliera biex jixtarruh sew, taw dikjarazzjonijiet lill-midja li żvijaw l-attenzjoni mis-sustanza tar-rapport. Dik issa hi  biss storja

Illum qegħdin fi storja differenti u jien qed inħares lejha b’indipendenza u imparzjalità sħiħa.

X’taħseb li kienet l-aktar deċiżjoni għaqlija li ħa Adrian Delia kemm ilu Kap? X’kienet l-agħar deċiżjoni li ħa Adrian Delia? Għalxiex?

Dak ġudizzju li nħallih f’idejn in-nies. Mitt bniedem mitt fehma. Fl-irwol tiegħi m’għandix nagħmel dawn it-tip ta’ ġudizzji fil-pubbliku.

Nixtieqek tkun skjett. Bir-riforma li inti tixtieq li twettaq, il-Partit Nazzjonalista jista’ jkollu ċans li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss?

Iva, jekk ir-riforma sseħħ b’mod sħiħ, għaqli, fl-ordni u fl-għaqda meħtieġa.

More in Politika