Il-Gvern iniedi kampanja edukattiva dwar it-traffikar tal-bnedmin

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet li l-kampanja se tkun qed tagħti l-importanza li hemm bżonn fejn tidħol il-prevenzjoni

Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi nieda kampanja fuq livell nazzjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin.

Il-kampanja Uman, bħalek (Human, like you) tnediet illum fil-Birgu u hija maħsuba sabiex iżżid l-għarfien fost il-pubbliku dwar l-isfida internazzjonali tat-traffikar tal-bnedmin.

Waqt li kienet qed tniedi din il-kampanja, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli qalet li din il-kampanja ser tkun l-ewwel pass fi proċess ta’ tisħiħ tal-politika ta’ pajjiżna kontra t-traffikar tal-bnedmin.

“Għall-ewwel darba pajjiżna qed jagħti l-importanza li hemm bżonn fejn tidħol il-prevenzjoni. Bdejna nagħmlu l-almu tagħna sabiex nipprevenu dan ir-reat qabel ikun jista’ jgħolli rasu f’pajjiżna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

Il-kampanja se tkun toħloq inizjattivi ta’ għarfien fost il-pubbliku, it-tfal u l-istudenti, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u r-rapreżentanti tal-ħaddiema. Il-pjan tal-kampanja huwa li jintlaħqu wkoll kategoriji ta’ persuni li huma f’riskju akbar li jisfgħu vittmi ta’ traffikar uman, fosthom il-ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli

Hija tkellmet dwar il-pjani tal-gvern li r-riforma tat-traffikar tal-bnedmin tagħti għodod ġodda lil pajjiżna sabiex jiġġieled dan il-fenomenu.

Matul l-istess attività ġie mniedi wkoll is-sit elettroniku uffiċjali tal-kampanja – www.trafficking.gov.mt – li jiġbor fih ħafna informazzjoni utli għal pubbliku u għal professjonisti li xogħolhom iġibhom f’kuntatt ma’ persuni li potenzjalment jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

Is-sit elettroniku jiġbor fih stejjer ta’ vittmi li esperjenzaw dan ir-reat kif ukoll informazzjoni dwar forom differenti ta’ sfruttament u fejn wieħed għandu jirrikorri għall-għajnuna.

L-informazzjoni fis-sit hija aċċessibbli b’sitt lingwi għall-benefiċċju tal-komunitajiet barrani. B’rabta ma’ dan, l-informazzjoni se tkun provduta b’aktar lingwi differenti fiż-żmien li ġej. 

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm rapreżentanti ta’ entitajiet governattivi, partiti politiċi, is-soċjetà ċivili, korpi kostitwiti u kommunitajiet barranin. Attendew ukoll rapreżentanti ta’ ambaxxati barranin f’pajjiżna li qed jagħtu l-kontribut tagħhom f’din ir-riforma.

It-tnedija ġiet indirizzata wkoll mis-Sur Giovanni Bressani, rapreżentant tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni f’Malta u l-ġurnalist is-Sur Keith Demicoli.

More in Politika