Is-suq tal-bejgħ jaf jaqla’ daqqa wara direttiva tal-Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali joħroġ direttiva li tagħmel lill-banek aktar riġidi fejn jirragwarda self għal djar, speċjalment il-buy to let li bħalissa huwa suq b’saħħtu 

Mill-ewwel ta’ Lulju sar iktar diffiċli biex persuna tixtri proprjetà kemm jekk qed tixtri għall-ewwel darba kif ukoll, u aktar u aktar, jekk qed tixtri t-tieni proprjetà.

Dan qed iseħħ minħabba direttiva tal-Bank Ċentrali mmirata biex tipproteġi lill-banek minn self li ma jitħallasx lura.

Dan se jsir hekk kif id-direttiva żżid l-interessi b’1.5% oħra meta l-bank jikkalkula għandux isellfek flus, billi l-pagamenti tal-ħlas tas-self ma jistgħu qatt jaqbżu l-40% tad-dħul tiegħek u billi issa l-banek saru obbligati jagħtu inqas self lil dawk li se jixtru t-tieni dar tagħhom.

Il-Bank Ċentrali qed jifissa massimu ta’ 40 sena sal-pensjoni u 25 sal-pensjoni bħala ż-żmien li tista’ ddum tħallas post bħala first time u second time buyer rispettivament.

Mal-ILLUM sorsi fil-banek lokali qalu illi din hija daqqa għall-banek u speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ self, speċjalment ta’ persuni li m’għandhomx biżżejjed flus kontanti. Persuna li tmexxi fergħa ta’ bank lokali sostniet ma’ din il-gazzetta illi probabbilment mal-40% tal-applikazzjonijiet ta’ self li kienu jgħaddu qabel l-1 ta’ Lulju, illum ma jgħaddux. “Bil-prezzijiet tal-bejgħ u anke kirjiet kif inhuma llum, din se ssir problema,” sostniet.

Qalet ukoll li “qabel kien il-bank li joħloq il-limiti ta’ kemm jista’ jsellef hu skont il-profil ta’ riskju tal-bank,” sostna dan is-sors.

Bankier ieħor qal iżda li filwaqt illi għall-banek din id-direttiva hija pożittiva, “huwa veru li għall-klijent se ssir aktar diffiċli biex jieħu self. Sfortunatament il-kunċett ta’ tfaddil għadu batut fost iż-żgħażagħ u allura din taf tkun xi naqra ta’ tbeżbiża wkoll.”

“Irid ikollok ftit flus mhux ħażin imfaddla biex tikri, issa b’din id-direttiva u bil-prezzijiet tal-proprjetà kif inhuma iktar,” sostna l-bankier.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma kienx daqstant negattiv tant li mal-ILLUM sostna li fil-fatt, għalkemm il-Bank Ċentrali huwa awtonomu, ma jarax illi din id-direttiva hija b’xi mod negattiva, anzi jħoss li m’hemmx biża’ u li din hija kwistjoni ta’ moniteraġġ. Fakkar illi l-Bank Ċentrali kellu kull dritt joħroġ din id-direttiva, għax kompitu tiegħu li jagħmel dan. Fakkar ukoll illi din id-direttiva hija riversibbli.

Sidt ta’ kumpanija li tkellmet ma’ din il-gazzetta u li ġejja mill-qasam, ikkonfermat dak li qalet il-manager tal-bank u sostniet li din id-direttiva mistennija twassal għal tnaqqis fir-rata tal-approvazzjoni ta’ self. Hi sostniet li fil-fatt diġà qed jiltaqa’ ma’ nies li se jkollhom problema jieħdu self, wara dawn il-bidliet.

Imma x’inhi din id-direttiva eżattament? U x’timponi fuq First Time Buyers?

Minn issa l-banek kollha saru obbligati li jkunu aktar riġidi fuq diversi punti, uħud li huma prassi u oħrajn li huma ġodda.

Id-Direttiva tagħmilha ċara illi persuna li qed tixtri l-ewwel dar jew inkella li biegħet darha u se terġa’ tixtri jew inkella li ħallset l-ewwel dar kollha u li qed tixtri oħra jeħtieġ: tħallas is-self lura sa mhux iktar minn 40 sena u dejjem sa ma tilħaq il-pensjoni. Dan ifisser li jekk persuna li twieldet wara l-1961 (u allura toħroġ bil-pensjoni ta’ 65 sena) tixtri dar ta’ 30 sena, il-bank bilfors irid jagħtiha sa mhux aktar minn 35 sena biex tħallas. Jekk tixtri ta’ 40 sena, ikollha 25 sena biss biex tħallas.

Din hija bejn wieħed u ieħor il-prattika ta’ ħafna banek illum, imma issa se tiġi nfurzata. Naturalment iktar kemm ikun qasir iż-żmien li fih tista’ tħallas, iktar jogħla l-pagament.

Bid-direttiva tal-Bank Ċentrali (għal dawk li jixtru l-ewwel proprjetà jew kif imsemmi qabel) meta l-bank jikkalkula kemm jista’ jsellef lil persuna, se jibda jżid 1.5% oħrajn fuq l-interessi li diġà hemm fil-preżent. Dan ifisser li jekk il-bank se jżommlok 2.5% interessi, qabel jisilflek il-flus, se jikkalkulalek interessi ta’ 4% kull sena. Jiġiferi inti trid tiflaħ tħallas lura l-post ma’ b’4% interessi biex tkun tista’ tieħu s-self.

Persuna xorta tħallas b’2.5% però l-kalkolu biex tingħata s-self se jibda dejjem isir fuq l-interessi tal-bank u magħhom 1.5%. Naturalment dan ifisser illi l-bank se jikkalkulalek fuq pagament fix-xahar ogħla u allura jonqos iċ-ċans illi tieħu dan is-self.

Ir-raġuni għal dan huwa biex il-bank jassigura illi f’każ illi jogħlew l-interessi persuna xorta tkun tiflaħ tħallas.

Dan kollu ma jgħoddx għal proprjetajiet li jiswew inqas minn €175,000 li jkunu ‘finished’.

U min se jixtri t-tieni dar?

L-aktar li se jintlaqtu huma dawk li se jixtru t-tieni dar. Dan għaliex min se jixtri t-tieni proprjetà, inkluż dawk buy-to-let (tixtri biex tikri) din is-sena l-bank se jagħtihom biss sa’ 85% (sa qabel l-1 ta’ Lulju kienu jingħataw 90%). Dan ifisser li dawn iridu joħorġu l-15% huma.

Mit-tieni sena, il-bank se jibda joħroġlok 75% li jfisser illi min qed jixtri irid joħroġ 25% hu mill-prezz tal-proprjetà meta sal-lum kien joħorġ biss 10%.

Is-self fuq it-tieni dar se jkun sa massimu ta’ 25 sena sal-età tal-pensjoni.

Jiġifieri jekk persuna tixtri t-tieni proprjetà (meta jkun għad għandha xi self fuq dar oħra) ta’ 50 sena u toħroġ bil-pensjoni ta’ 65 sena hi trid tħallas dan il-post f’temp ta’ 15-il sena biss.

Vera trid toħroġ aktar flus bħala depozitu?

Grazzi għal din id-direttiva issa bank ma jista’ qatt itik l-ammont kollu ta’ self.

Kif għidna din id-direttiva se tfisser li l-bank se joħroġ 85% din is-sena u 75% mid-dieħla għal dawk li jixtru t-tieni dar.

Għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar jew inkella se jixtru d-dar primarja tagħhom waqt li m’għandhomx self xi jħallsu fuq dar ieħor, jeħtieġ iħallsu 10%, kif inhi l-prassi llum. 

More in Politika