Aġġornata | 'Tibdil fost Kunsilliera tal-PN huwa inġust u jqajjem suspett'

...iżda Francis Zammit Dimech jiċħad l-allegazzjonijiet u jwieġeb

Il-Kunsilliera li ppreżentaw il-petizzjoni biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u biex matulu jittieħed vot dwar il-Kap Adrian Delia, ħarġu stqarrija li fiha qed jisħqu dwar “manuvri” li, fi kliemhom, qed jagħmlu l-ħsara u joħolqu l-firda.

Fost dawn, il-Kunsilliera Emvin Bartolo, Ivan Bartolo, Martin Musumeci u Emma Portelli Bonnici qed jisħqu li inqas minn ġimgħa qabel il-vot u erbat ijiem biss qabel l-early voting, għadhom ma rċevewx il-lista sħiħa tal-kunsilliera eliġibbli għall-vot

“Il-lista li rċevejna għad għandha numru ta’ lokalitajiet nieqsa u b’hekk mhix sħiħa. Hija wkoll nieqsa min-numru tal-identità ta' kull votant. Jidher ukoll li d-data hija waħda antika u mhux aġġornata mar-reġistru elettorali, fejn nies li bidlu l-indirizz tagħhom snin twal ilu jidhru għadhom reġistrati fuq l-indirizz l-antik,” saħqet l-istqarrija.

Fi kliem il-Kunsilliera, dan qed isir apposta biex ma jkunux jistgħu jikkomunikaw mal-kunsilliera biex jgħaddulhom il-messaġġ tagħhom.

Apparti minn hekk, huma saħqu li minn analiżi li għamlu, jirriżulata li fl-aħħar sena u nofs, minn wara li Delia sar Kap, tbiddlu madwar 500 kunsiller minn total ta’ 1530.

“Dan ifisser li tbiddlu xejn anqas minn 33% ta’ dawn li jistgħu jivvutaw. Bla dubju dan ser ikollu impatt sostanzjali fuq ir-riżultat ta’ din il-votazzjoni,” spjegat l-istqarrija. “Fost dan it-tibdil hemm tibdil li jqajjem suspett jew li huwa inġust.”

L-istqarrija tisħaq li bosta kunsilliera li tneħħew, lanqas biss ġew infurmati li tneħħew.

“Dawn kienu ilhom snin twal attivisti tal-partit u għamlu sagrifiċċji kbar għall-partit. Dawn tneħħew biex flokhom iddaħħlu nies bħal Julian Micallef, persuna tal-fiduċja ta' Adrian Delia li din il-ġimgħa ġie żvelat li huwa l-id moħbija wara numru ta’ fake profiles li ntużaw fl-aħħar sentejn biex jattakkaw Deputati u saħansitra l-eks Kap tal-Partit stess,” insistew il-Kunsilliera.

L-istqarrija ssemmi wkoll każ ta’ kunsillier li qalulu li m'għadux tesserat meta fil-fatt, għandu tessera mħallsa għal għomru. 

“Dan it-taħwid fil-lista ta’ kunsilliera ma jawgura xejn tajjeb għall-andament tal-votazzjoni u jirrifletti ħażin ferm fuq il-Partit innifsu. Dawn il-manuvri jġibu biss ħsara u firda,” temmew jgħidu l-Kunsilliera.

Francis Zammit Dimech jiċħad dan kollu u jispjega...

Intant, fi stqarrija, il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, Francis Zammit Dimech, saħaq li l-lista kollha tal-votanti eleġibbli ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni Elettorali.

Saħaq li f'dik il-kummissjoni hemm ir-rappreżentanza tal-fehmiet differenti fuq il-mistoqsija: 'Int trid li Adrian Delia jibqa' jmexxi l-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss?'.

Spjega kif il-Kummissjoni kellha tivverifika li l-lista tal-kunsilliera hi dik valida sad-data tal-4 ta' Lulju 2019 meta ssejjaħ l-istess Kunsill Ġenerali u li l-Kummissjoni Elettorali “m'għandha ebda dritt tikkontesta kif il-kumitati sezzjonali tal-partit f'Malta u Għawdex ikunu għażlu l-kunsilliera biex jirrappreżentaw id-diversi bliet u rħula fl-istess Kunsill Ġenerali.”

Zammit Dimech fakkar li l-Kummissjoni Elettorali qed tagħti sa nhar it-Tlieta 23 ta' Lulju f'12.00pm opportunità biex jekk hemm min iħoss li għandu dritt jidher fil-lista tal-kunsilliera tal-partit u mhux qiegħed f'dik il-lista, jista' jikteb lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-verifiki meħtieġa

Apparti minn hekk, il-Kummissjoni qed tagħti wkoll ċans sa nhar l-Erbgħa 24 ta' Lulju f'12.00pm biex min għadu ma ħallasx it-tessera tiegħu għal din is-sena jagħmel hekk bil-kumdità kollha, jew online jew fid-Dar Ċentrali tal-PN. 

“Naturalment jekk hemm xi persuni li diġà ħallsu t-tessera tagħhom jistgħu jagħtu prova tat-tesserament tagħhom u r-records meħtieġa jkunu aġġornati, fil-ħin qabel tibda l-votazzjoni,” temm jisħaq Zammit Dimech.

More in Politika