Wara diversi snin Moody's tgħolli r-rating ta' Malta għal ‘A2 stable’

Moody's tisħaq li s-sena d-dieħla l-piż tad-dejn pubbliku mistenni jonqos għal 40% minn 70%

Wara ħdax-il sena, l-aġenzija internazzjonali Moody’s għolliet ir-rating ta’ Malta għal ‘A2 stable,’ minn ‘A3’ kif kienet qed tikklasifika lill-pajjiz fl-aħħar seba’ snin.

Fost oħrajn, fir-rapport tagħha, l-aġenzija saħqet li għolliet ir-rating ta’ Malta minħabba l-fatt li tul l-aħħar snin Malta saħħet is-saħħa finanzjarja tagħha u anke minħabba t-tkabbir ekonomiku li esperjenzat.

L-esperti ta’ Moody’s innutaw li minn piż rekord ta’ 70% tal-ġid nazzjonali fl-2011, is-sena d-dieħla il-piż tad-dejn pubbliku mistenni jonqos għal 40%. B’riżultat ta’ dan it-titjib, il-piż tal-imgħax fuq id-dejn naqas bin-nofs.

L-esperti ta’ Moody’s sostnew li t-tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali kien dovut għat-tkabbir ekonomiku li wassal għal żieda fid-dħul tal-gvern. Innutaw ukoll li l-ispiża tal-gvern inżammet taħt kontroll.

Ir-rapport isemmu u jfaħħar ukoll diversi riformi li saħħew il-qafas tat-tmexxija tal-finanzi pubbliċi, fosthom it-twaqqif tal-kunsill fiskali, waqt li faħħru wkoll il-qagħda ta’ kumpaniji pubbliċi, fosthom l-Enemalta u l-Air Malta.

L-esperti internazzjonali nnutaw ukoll it-tkabbir f’diversi oqsma, inkluż it-turiżmu, filwaqt li sostnew li fadal prospetti pożittivi għal dawn l-industriji.

Ir-rapport isemmu wkoll b’mod pożittiv it-tisħiħ infrastrutturali u anke l-miżuri li qed jittieħdu fil-qasam tal-housing.

More in Politika