Matthew Pace flimkien ma' żewġ membri oħra jirriżenjaw mill-bord tal-PA

Fi żmien li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li wara d-deċiżjoni tal-Qorti rigward il-proġett tal-Grupp db, Matthew Pace għandu jirriżenja mill-bord  tal-PA

Matthew Pace
Matthew Pace

Il-membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar Matthew Pace flimkien ma' żewġ membri oħra illum irriżenjaw mill-bord fuq raġunijiet personali.

Ħabbar dan il-Ministru Ian Borg fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu, fejn f'kitba irringrazzjahom tax-xogħol li għamlu u d-deċiżjonijiet kruċjali li ħadu għall-pajjiż. "Mhux faċli li wieħed iservi u jkun espost għall-kritika, u f’dawn il-karigi trid tkun lest li tirċievi kritika kostruttiva iva. Però fl-istess ħin mhux aċċettabbli l-attakki li anke rajna fl-aħħar sigħat," qal il-Ministru. 

Iż-żewġ membri l-oħra li tefgħu r-riżenja tagħhom huma Ivan Tabone u Mariello Spiteri.

Fi żmien li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li wara d-deċiżjoni tal-Qorti rigward il-proġett tal-Grupp db, Matthew Pace għandu jirriżenja mill-bord tal-PA. Dan għaliex il-permess ġie ddikjarat null wara li l-Qorti stabbilit li kien hemm konflitt ta' interess ċar minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, li kien l-istes Pace. Dan hekk kif huwa wieħed mis-sidien tal-fergħa tas-Swieqi tal-aġenti tal-proprjetà Remax, liema kumpanija kienet qed tirriklama l-appartamenti f'dan il-proġett.

 

More in Politika