'Għalkemm huwa faċli biex tiftaħ negozju f'Malta, huwa kważi impossibbli li tiftaħ kont tal-bank'

Uffiċjali u membri speċjalizzati fil-qasam finanzjarju fi ħdan il-GRTU illum kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat U s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri

Uffiċjali u membri speċjalizzati fil-qasam finanzjarju fi ħdan il-GRTU illum kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri rigward is-sitwazzjoni bankarja f’Malta 

 Il-President tal-GRTU Paul Abela sostna li kemm xogħol kif ukoll opportunitajiet qegħdin jintilfu ta’ kuljum. Għalkemm il-GRTU ma tistenniex li l-affarijiet jibqgħu jsiru bħal qabel, sostna li kull għajnuna tista\ tagħmel differenza.

Rappreżentanti tas-servizzi finanzjarji spjegaw il-problemi li jiltaqgħu magħhom biex iwettqu xogħolhom fid-dawl tal-problemi affaċjati fis-settur bankarju. Dawn il-problemi qed jinħassu kemm minnhom kif ukoll mill-klijenti tagħhom. 

Skonthom il-klijenti jsibuha diffiċli biex jifhmu kif; għalkemm huwa faċli ħafna li jiftħu negozju hawn Malta huwa kważi impossibbli li jiftħu kont tal-bank.

 Is-sitwazzjoni bankarja qiegħda twassal biex investituri jerġgħu jikkonsidraw jekk għadux ta’ valur li jinvestu ġewwa Malta u jekk dan għadhux ta’ benefiċċju għalihom. Din is-sitwazzjoni qiegħda tgerrex investiment, liema investiment sar u qiegħed isir ħafna xogħol kemm mill-gvern kif ukoll mis-settur privat biex jiġi lejn Malta. 

Il-GRTU staqsiet; “għalfejn biex sempliċiment jinfetaħ kont bankarju għandu jieħu kważi sena biex jinfetaħ, anki jekk is-settur huwa kkonsidrat bħala ‘low risk’?

Żiedet tgħid illi, “is-settur bankarju qiegħed jonqos minn ħafna aspetti fosthom li ma hemm l-ebda struttura u proċedura ċara ta’ kif il-banek jaċċettaw klijenti ġodda, u sadanittant mal-klijenti m’hi qiegħda issir l-ebda komunikazzjoni ċara ta’ jekk in-negozju huwiex ser jinfetaħlu kont bankarju jew jekk dan hux ser jiġi irrifjutat. 

Qalu wkoll li apparantament klijenti u membri li tradizzjonalment dejjem ħadmu ma banek lokali ukoll qegħdin jingħalqulhom il-kontijiet bankarji tagħhom mingħajr ma tingħata raġuni valida. 

Waqt din il-laqgħa il-GRTU sostniet fuq l-importanza ta’ aktar banek li joperaw ġewwa Malta, dan għandu jwassal biex tittaffa ftit din il-problema. 

Apparti dan il-GRTU emfasizzat fuq il-bżonn li jkun hemm aktar proċeduri armonizzati bejn il-banek lokali fejn jidħlu applikazzjonijiet ta’ klijenti ġodda. Dan għandu jwassal biex il-proċess ikun strutturat b’hekk isir aktar aċċessibbli għal kulħadd.

More in Politika