F'Manoel Island jista' jibda l-iskavar minkejja li l-appell dwar il-permess għadu għaddej

Il-proġett tal-konsorzju Midi fuq Manoel Island jinkludi l-bini ta’ 650 appartament lussuż u lukanda ta’ ħames stilel fost oħrajn

Attivisti u għaqdiet ambjentali kienu furjużi hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għall-iskavar fuq Manoel Island minkejja li l-appell dwar il-permess għall-iżvilupp għadu pendenti.

Il-proġett tal-konsorzju Midi fuq Manoel Island jinkludi l-bini ta’ 650 appartament lussuż, lukanda ta’ ħames stilel, pont ġdid għall-vetturi, marina għal jottijiet kbar u anke reklamazzjoni tal-art.

L-appell kien tressaq mill-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar u anke r-residenti tal-Gżira.

L-NGO qed tisħaq li sa ftit ta’ snin ilu, l-Awtorità tal-Ippjanar qatt ma kienet tipproċessa permess għal twaqqigħ u skavar jekk dan ma jkunx akkumpanjat minn applikazzjoni ta’ kostruzzjoni.

“Bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorita tal-Ippjanar qed tibgħat messaġġ li l-proċess tal-appell ma huwa xejn ħlief ħela ta’ ħin,” saħqet l-NGO.

Fakkret ukoll li ġiet injorata t-talba tas-Supretendenza tal-Patrimonju Kulturali biex isir assessjar taħt il-baħar biex ikun stabbilit jekk tistax issir ħsara arkeoloġika, fosthom lill-fdalijiet li jmorru lura għal żmien ir-Rumani.

More in Politika