'Ma jistax ikollna aktar plastik milli ħut fil-baħar' - Metsola

Roberta Metsola tiltaqa' ma' Ursula Von Der Leyen u tgħid li l-UE għandha tkun ir-risposta għall-problemi Ewropej

Metsola tinsisiti li l-bidla fil-klima għandha tkun indirizzata fuq livell tal-UE
Metsola tinsisiti li l-bidla fil-klima għandha tkun indirizzata fuq livell tal-UE

Waqt dibattitu ma’ Ursula von der Leyen, il-persuna nominata għal President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola nsistiet għal azzjoni fuq livell Ewropew biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima, filwaqt li kkonfermat li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ von der Leyen.

L-MEP Metsola qalet li ma nistgħux naċċettaw li l-ġenerazzjoni li jmiss "ikollha aktar plastik milli ħut fl-ibħra. Jekk mhux se nsibu soluzzjoni issa biex insalvaw l-ambjent u l-klima, ma jirnexxielna qatt. Din hi urġenti.”

Jien irrid li l-ġenerazzjoni ta’ uliedi tħares lejn l-Ewropa bħala r-risposta Roberta Metsola

Filwaqt li nsistiet dwar il-bżonn ta’ riforma, l-MEP Metsola qalet li n-nazzjonijiet Ewropej mhux kollha l-istess imma l-isfidi huma simili. Il-proġett tal-UE rnexxielu joffri ispirazzjoni għan-nies f’ġenerazzjonijiet u kontinenti differenti, imma hemm bżonn li nkomplu naħdmu. L-ekonomija soċjali u l-kummerċ ħieles irnexxielhom joħorġu nies mill-faqar, imma għad ħafna nies li qed isibuha diffiċli. Għadna ‘l bogħod wisq minn nies li nirrapreżentaw.”

“Jien irrid li l-ġenerazzjoni ta’ uliedi tħares lejn l-Ewropa bħala r-risposta, l-istess kif ħarsu lejha l-ġenituri tiegħi,” qalet l-MEP Nazzjonalista. 

Intant dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Metsola qalet  ma nistgħu naċċettaw qatt li ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia jkunu intimidati u maqtula mingħajr m’għandna risposta ta’ liġi Ewropea."

More in Politika