Il-Prim Imħallef ma jilqax it-talba ta' Repubblika biex jastjeni mill-każ kostituzzjonali

Il-ġimgħa l-oħra Repubblika talbet lill-Prim Imħallef sabiex jastjeni mill-każ kostituzzjonali

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi ma laqax it-talba tal-għaqda non governattiva Repubblika, sabiex jastjeni milli jippresjedi l-appell ippreżentat mill-istess Repubblika fir-rigward tal-ħatra tal-membri ġodda tal-ġudikatura.

Il-ġimgħa l-oħra l-avukati ta’ Repubblika, Jason Azzopardi u Simon Busuttil kienu sostnew  li għalkemm l-integrità tal-Prim Imħallef ma kienitx qed tiġi ddubitata, xorta jibqa’ l-fatt li attwalment il-Prim Imħallef huwa inkarigat mir-rakkomandazzjonijiet tal-ħatriet kif ukoll issa, mid-deċiżjoni tal-Qorti li taf tara ħatriet ta’ membri ġodda tal-ġudikatura riveduti.

Azzopardi kien qal ukoll li jekk din it-talba tiġi miċħuda kienet se tikkawża “skizzofrenja ġudizzjarja.”

Madanakollu fid-deċiżjoni tiegħu illum, Azzopardi qal li t-talba ta' Repubblika ma kellha l-ebda element oġġettiv għar-rikuża.

Il-Qorti qalet ukoll li l-fatt li l-Prim Imħallef kien qed jippresjedi fuq kumitat li jagħmel rakkomandazzjonijiet lil Prim Ministru, ma jfissrix li dan kien qed jesprimi l-opinjonijiet tiegħu fuq il-kandidati futuri. "Finalment il-ħatriet tal-ġudikatura huma fid-deskrizzjoni tal-Prim Ministru," qalet il-Qorti.

More in Politika