'Meta tieħu l-istampa kollha ħloqna middle class ġdida' - Muscat

Il-PM Joseph Muscat isemmi l-aġenziji ta' kreditu u jgħid li r-ratings tajbin huma r-realtà tan-nies

Joseph Muscat, PM u Mexxej Laburista
Joseph Muscat, PM u Mexxej Laburista

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li r-rapporti tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma riflessjoni ta’ dak li qed jgħixu n-nies. F’intervista li se tixxandar il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru ddikjara: “Għalija l-iktar ħaġa importanti n-nies”

“Taħt dan il-gvern il-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna Maltin u Għawdxin tjiebet u tjiebet sew,” żied il-Prim Ministru li spjega li dan ma jfissirx li m’għadx hemm min jeħtieġ għajnuna.

“Meta tieħu l-istampa kollha ħloqna middle class ġdida li qegħdin insostnuha u qed narawha mixja ‘l quddiem,” żied il-Prim Ministru.

Minn naħa l-oħra dawn l-istess rapporti huma importanti biex pajjiżna jkompli jiġbed lejh iktar investiment.

“Meta tmur biex tikkonvinċi investituri internazzjonali ma jogħodux biss fuq dak li tgħidilhom int u jħarsu lejn rapporti indipendenti. Fost oħrajn dawk tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd,” spjega l-Prim Ministru li nnota l-bidla fir-rapport ta’ Fitch.

“Issa għandna aġenzija bħal ma hija Fitch li kkonfermat li pajjiżna huwa f’livell A+ imma dawru l-outlook tagħhom minn stabbli għal pożittiv. Jiġifieri qed jgħidu l-ekonomija Maltija u dak li qed jiġri f’Malta mhux biss se jibqa’ tajjeb imma se jmur għall-aħjar,” sostna l-Prim Ministru li fisser kif dan hu l-iktar rating għoli li qatt kiseb pajjiżna.

Hawn irrrefera wkoll għal dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea iktar kmieni din il-ġimgħa meta ħarġet it-tbassir ekonomiku għall-2019 u l-2020. “L-ekonomija Maltija se tkun l-iktar waħda li se tikber fl-Ewropa kollha din is-sena u se terġa’ tkun l-iktar waħda li tikber is-sena d-dieħla,” qal Joseph Muscat li tkellem ukoll dwar kif l-aġenziji jinnotaw li l-pajjiż qed imur aħjar mit-tbassir tagħhom."

More in Politika