'Il-Gvern għandu jordna inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Caruana Galizia b’mod immedjat' tgħid Repubblika

Il-Ministru Carmelo Abela qal li fi żmien tliet xhur il-Gvern Malti se jkun qiegħed jiftaħ inkjesta pubblika sabiex tinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fi stqarrija l-għaqda non governattiva Repubblika saħqet li l-Gvern għandu jordna inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia b’mod immedjat.

Ilbieraħ il-Ministru Carmelo Abela qal li fi żmien tliet xhur il-Gvern Malti se jkun qiegħed jiftaħ inkjesta pubblika sabiex tinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Skonthom il-fatt li l-Gvern ħabbar li dawwar il-pożizzjoni tiegħu dwar din il-materja billi tefa’ rimarka l-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’konferenza f’Londra hu sintomu ieħor tal-insensittività tal-gvern f’każ tant gravi. Qed nistennew li immedjatament il-Gvern jikkomunika formalment u pubblikament tweġiba lill-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, risposta aġġornata li tibdel iċ-ċaħda preċedenti tal-Gvern li ssir inkjesta,” qalet l-istqarrija.

Żiedet tgħid li din l-inkjesta għandHa tkun waħda indipendenti, imparzjali u ħielsa minn kull xkiel, kontroll, indħil jew influwenza tal-Gvern u mgħejjuna bir-riżorsi kollha meħtieġa biex issir sew, inkluż uffiċjali mħarrġa fil-liġi.

“Din hi inkjesta li għandha teżamina l-kuntest tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, xi żbalji saru biex tħalla jiġri, kemm kienet effettiva l-investigazzjoni li saret wara, x’seta’ sar biex jiġi evitat u x’sar u x’kellu jsir biex ma jirrepetix ruħu. Għalhekk din għandha tkun inkjesta li ssir b’mod ħieles u fil-pubbliku u titmexxa minn nies kompetenti u imparzjali u li għandhom il-ħin jiffukaw b’mod esklussiv fuq it-twettiq tagħha,” qalet Repubblika.

 

More in Politika