'Insinwazzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-fatti' ... Il-PN jiċħad l-allegazzjonijiet ta' Sammut

Ilbieraħ Mark Anthony Sammut allega li saru manuvri biex jinbidlu n-nies li se jivvutaw fil-Kunsill Ġenerali

Mark Anthony Sammut
Mark Anthony Sammut

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li r-regoli tal-elezzjoni tal-Kunsill Ġenerali li se ssir fis-27 ta' Lulju li ġej huma stabbiliti mill-Istatut u minn dak li ġie deċiż fil-Kumitat Eżekuttiv. 

"Proċess trasparenti u ġust qiegħed ikun assigurat mit-twaqqif ta' Kummissjoni Elettorali b'chairperson indipendenti maqbul b'mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv, imma anke minn żewġ membri magħżula mill-petizzjonisti ta' kull naħa, meta l-Kummissjoni dejjem tintgħażel mill-Kumitat Eżekuttiv. Dan bla dubju iżid is-sens ta' trasparenza u kontabbiltà," qalet l-istqarrija.

Ilbieraħ Mark Anthony Sammut, Ivan Bartolo, Emma Portelli Bonnici, Martin Musumeci u Emvin Bartolo allegaw li saru manuvri biex jinbidlu n-nies li se jivvutaw fil-Kunsill Ġenerali. F'ittra lill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista huma qalu li l-lista ta’ Kunsilliera li se jkunu eliġibbli biex jivvutaw nhar is-27 ta’ Lulju 2019, se tkun iffriżata mid-data li Adrian Delia sejjaħ il-Kunsill Ġenerali, jiġifieri l-4 ta’ Lulju 2019, u mhux mid-data li ġiet sottomessa t-talba oriġinali, jiġifieri fil-25 ta’ Ġunju 2019, minn dawn il-persuni msemmijin.

Intant fl-istqarrija maħruġa illum il-PN iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet bħala "l-insinwazzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-fatti huma miċħuda."

Il-PN żied jgħid li fl-Eżekuttiv kien hemm qbil mal-proposta tal-Kap tal-Partit li għażel li jkun hu stess li jsejjaħ il-Kunsill Ġenerali taħt klawsola li tippermettilu jagħmel dan. "Dan għamlu anke biex jissorvola d-dubji li qamu dwar il-validità tal-ewwel petizzjoni li kienet tistaqsi jekk għandux jibqa' fit-tmexxija tal-partit. Dr Delia kkonferma li d-domanda dwar it-tkomplija tat-tmexxija tiegħu sal-elezzjoni li jmiss se jipproponiha  hu stess u hekk se jsir," temm jgħid il-PN.

More in Politika