Owen Bonnici | Aktar aċċessibiltà għall-Kultura

Qed jissaħħaħ ukloll il-passaport tal-istudenti bi programm ta' attivitajiet għas-sajf

Suċċess ukoll għall-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta, b’9,687 anzjan japplikaw għalih u għalhekk se jkunu jistgħu jżuru s-siti tal-Heritage Malta b’xejn. 

Sadanittant saħħaħna wkoll il-Passaport tal-istudenti bi programm ta’ attivitajiet għas-sajf.Kien hemm rispons pożittiv ferm mill-istudenti għall-Passaport ta’ Heritage Malta, issa wkoll segwita minn rispons għall-Passaport tal-Kbar.

Bi pjaċir ngħid li f’inqas minn xaharejn mit-tnedija ta’ dan il-Passaport, Heritage Malta rċeviet 9,687 applikazzjoni. It-tliet Kunsilli Lokali f’Malta fejn saru l-aktar applikazzjonijiet kienu l-Mosta, Birkirkara u Ħ’Attard, filwaqt li dawk f’Għawdex kienu x-Xagħra, ir-Rabat u l-Għasri.

Dan ir-rispons straordinarju huwa minnu nnifsu xhieda tas-suċċessi tal-istrateġija kulturali tagħna f’dak li għandu x’jaqsam l-involviment tal-udjenzi. B’dan il-mod, qegħdin noħolqu aktar u aktar inċentivi għan-nies lokali biex japprezzaw il-wirt lokali rikk tagħna kemm minn età żgħira bil-passaport tal-istudenti, kif ukoll lill-anzjani bil-Passaport tal-Kbar. Aħna bħala Gvern ninsabu impenjati li nkomplu nżidu l-aċċessibbiltà għall-avvenimenti u inizjattivi artistiċi u kulturali b’mod li nagħmluhom aktar disponibbli għall-komunità, b’mod li tkun aktar faċli għalihom biex jattendu u dawn il-passporti huma biss skema waħda minn dak li qed nagħmlu.

S’issa madwar 1,000 anzjan diġà ħadu vantaġġ minn din l-opportunità biex iżuru s-siti ta’ Heritage Malta bla ħlas u kien hemm 500 żagħżugħ li akkumpanjawhom. 

L-iżjed attrazzjonijiet popolari mal-anzjani kienu l-mużew ġdid tal-arti MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru, li kollha jinsabu l-Belt. 

Kulma jridu jagħmlu l-anzjani biex jakkwistaw il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta huwa li jżuru l-Kunsill Lokali tagħhom u jieħdu magħhom il-karta tal-identità. 

L-impjegati tal-Kunsill Lokali jinkluduhom fis-sistema, imbagħad l-anzjani jirċievu l-Passaport flimkien ma’ fuljett ta’ informazzjoni mingħand Heritage Malta d-dar.

B’dan il-Passaport, l-anzjani għandhom aċċess bla ħlas u bla limitu għall-attrazzjonijiet kollha ta’ Heritage Malta (ħlief is-siti magħluqa u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni). 

Barra minn hekk, għal dawn iż-żjarat, kull anzjan jista’ jagħżel li jiġi akkumpanjat minn żagħżugħ jew tnejn li wkoll ikollhom aċċess bla ħlas.

F’Awwissu, hekk kif jgħaddu 100 jum mit-tnedija tal-Passaport tal-Kbar, Heritage Malta u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali se jħabbru t-tliet irħula/ibliet f’Malta u Għawdex li rċevew l-ogħla għadd ta’ applikazzjonijiet.

Sadanittant, Heritage Malta qiegħda ssaħħaħ il-Passaport tal-Istudenti b’aktar opportunitajiet waqt dawn il-vaganzi tas-sajf. Minn Lulju sa Settembru, l-istudenti mill-età ta’ 5 sa 15-il sena jistgħu jagħżlu li jattendu numru ta’ attivitajiet li jinkludu tpinġija, tpinġija tal-komiks, kitba kreattiva bl-Ingliż u qari tal-istejjer.

Se jkun hemm donazzjoni ta’ €5 għall-attendenza f’kull attività. Madanakollu, dawk l-istudenti li diġà għandhom il-Passaport ta’ Heritage Malta ttimbrat kollu jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet bla ħlas. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta. Huwa neċessarju li wieħed jippreżenta l-Passaport sabiex ikun jista’ jakkwista l-biljetti. L-ewwel attività se tibda s-Sibt, 13 ta’ Lulju.

***

Ir-restawr tal-wirt storiku tagħna jkompli għaddej.

Il-Ġimgħa ħabbart li l-knisja l-antika tal-Manikata ddedikata lil San Ġużepp, se tiġi rrestawrata mid-Direttorat tar-Restawr.

Dan huwa possibbli grazzi għar-raba’ skema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, li reġgħet kienet disponibbli. Skema li qiegħda hemm biex niżguraw li l-Kunsilli Lokali jkollhom assistenza ħalli jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi li jinsabu fil-lokalitajiet tagħhom. Din l-iskema tikkumplimenta l-istrateġija tagħna biex nagħmlu l-kultura u l-wirt tagħna aktar aċċessibbli, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu aktar l-preservazzjoni u l-apprezzament ta’ wirtna.

Il-knisja hija ddedikata lil San Ġużepp, u l-pjani tagħha bdew fl-1919. 

Il-pittura titulari saret minn Ramiro Raffaele Calì, it-tifel tal-famuż Giuseppe Calì. 

S’issa madwar 1,000 anzjan diġà ħadu vantaġġ minn din l-opportunità biex iżuru s-siti ta’ Heritage Malta bla ħlas

Fl-1975, il-knisja waqfet tintuża minħabba li nbniet knisja akbar biex tilħaq id-domanda tal-popolazzjoni li kibret.

Meta kienet qed issir ir-riċerka ma nstabx min kien il-perit originali tal-knisja. Fil-fatt il-probabbiltà hija li ma kienx hemm perit u din tista’ tkun ir-raġuni għaliex żviluppaw problemi strutturali fil-binja.

Dan l-intervent ta’ restawr kien possibbli minħabba li l-Manikata, li tagħmel parti mill-Mellieħa, qiegħda tibbenefika mill-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li nħarġet mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

L-għan tagħna huwa li permezz ta’ din l-iskema ngħinu lill-Kunsilli Lokali biex jippreservaw il-wirt storiku li jinsab fil-komunitajiet. Kemm ilha li ħarġet din l-iskema ġew restawrati diversi opri ta’ wirt kulturali u għalhekk qed ngħinu biex inħarsu u nippriservaw dak li għandna.

***

Din il-Ġimgħa ħabbart ukoll li stabbilixxejna l-Aġenzija Festivals Malta, bl-ewwel Chairperson huwa Norman Hamilton.

L-aġenzija se timplimenta l-għanjiet u twettaq dawk il-funzjonijiet kollha stabbiliti biex toħloq, iżżomm, torganizza, tamministra u tissorvelja l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ portafoll ta’ avvenimenti kulturali artistiċi u internazzjonali, festivals u proġetti tal-infrastruttura kulturali. Dan il-pass jitratta b’mod sħiħ l-istrateġija ta’ dan il-Gvern fejn jidħol is-settur kulturali. 

Permezz ta’ din il-miżura, qegħdin nassiguraw li nipprovdu lil Festivals Malta bl-aħjar għodod u strumenti adattati biex tkun aktar faċli għall-pubbliku biex imur il-festivals, tiżdied il-parteċipazzjoni, u jkun hemm aktar involviment ta’ udjenzi. Qegħdin ukoll insaħħu l-professjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur, filwaqt li naħdmu aktar lejn  l-iżvilupp tal-marka u l-immaġni ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali bħala niċċa li qed tikber fit-turiżmu kulturali. Issa, Festivals Malta, li sal-lum kienet topera bħala brand, se jkollha personalità legali distinta u se tilħaq il-miri tagħha bit-twettiq, fost l-oħrajn, ta’ funzjonijiet bħal li tipprovdi l-pjattafroma xierqa sabiex issostni t-tkabbir u l-iżvilupp tal-portafoll ta’ festivals eżistenti.

L-aġenżija se tipprovdi wkoll livelli ta’ eċċellenza fl-eżekuzzjoni ta’ avvenimenti u festivals, tibni fuq il-portafoll attwali ta’ festivals u avvenimenti billi tintroduċi ideat ġodda u kif ukoll innovazzjoni u żżid l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-udjenza permezz tal-funzjonijiet tagħha.

Festivals Malta għandha wkoll ir-rwol li tiżviluppa l-portafoll tal-festivals f’pjattaforma kreattiva kontinwa għall-artisti Maltin u internazzjonali u operaturi kreattivi permezz tal-kummissjoni ta’ xogħol ġdid fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet u festivals tal-arti nazzjonali u internazzjonali, filwaqt li tkompli tiżviluppa l-parteċipazzjoni fuq livell lokali b’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u tiżviluppa strateġiji distinti għal kull festival biex iżżid l-involviment tal-pubbliku.

L-aġenzija se tinkoraġġixxi wkoll kalendarju nazzjonali tal-arti u l-kultura, li joffri programm ikkonsolidat u jixpruna sinerġiji, impatt u allinjament akbar f’organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi u privati.

More in Politika