Analiżi | Joseph Muscat se jibqa’; U kulħadd kuntent?

Joseph Muscat ħabbar illi se jibqa’ Prim Ministru għalissa. Min ħa pjaċir b’din id-deċiżjoni? U lil min żiedet l-inwkiet u t-tħassib? 

Il-ġimgħa li għaddiet, inbidel kompletament ix-xenarju politiku fuq in-naħa tal-Partit Laburista (PL) hekk kif wara li Muscat tilef kull ċans ta’ kariga fl-UE ħabbar illi se jibqa’ PM ta’ Malta. Sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt, li kien l-ewwel li ppubblika storja dwar il-fatt li Muscat se jibqa’, qalu illi hemm probabbilità li Muscat jibqa’ PM sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan kollu żvija waħda sew il-possibilità ta’ tiġrija fil-PL għall-ogħla kariga fil-partit u l-aktar kariga kruċjali fil-pajjiż.

L-affarijiet kienu qed jidhru tajbin, speċjalment għal Miriam Dalli, li għal ħafna raġunijiet imma l-aktar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kienet tidher fuq quddiem.

F’dan l-ispazju se nagħtu ħarsa lejn min għandu x’jitlef u x’jirbaħ minn dak li ġara din il-ġimgħa.

L-ambizzjoni se jkollha tistenna...

L-aktar erbgħa min-nies li d-destin tagħhom se jinbidel wara d-deċiżjoni ta’ Muscat huma dawk li minn wara l-kwinti kienu diġà qed iħejju għal tiġrija fiż-żmien li ġej.

Miriam Dalli kienet qiegħda f’pożizzjoni brillanti biex tmur għall-kampanja issa; kisbet ammont enormi ta’ voti (63,700) u għaddiet lil kull kandidat Laburista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, inkluż Joseph Muscat. Imbagħad inħatret Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u fl-aħħar kienet maħtura Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D). Dawn kollha flimkien ukoll mas-suċċess li għamlet f’negozjati dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 ħolqu l-ambjent perfett u l-aspettattiva naturali biex Dalli ssir il-mexxej Laburista li jmiss.

Ma jfissirx li għax din it-tiġrija se ssir iktar tard Dalli mhix qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tirbaħ jekk ikun hemm waħda, ifisser biss li bħalissa kien l-aktar mument pożittiv għal Dalli.

Grafika ta' Maltatoday
Grafika ta' Maltatoday

Borg, Fearne u Mizzi għandhom iktar ċans issa biex jikkapitalizzaw il-pożizzjoni tagħhom fit-tmexxija ta’ Ministeri kbar u li qed jagħtu riżultati. Jekk jibqgħu interessati fit-tmexxija tal-partit, dan id-dewmien se jkun qed jgħinhom.

Jekk din it-tiġrija sseħħ wara l-elezzjoni ġenerali, dawn it-tlieta jidħlu fiċ-ċans li jkunu parti minn din il-ġirja ftit wara riżultat tajjeb ħafna fuq bażi distrettwali.  

Minkejja dan, naturalment, xejn mhu ċert li r-ritmu li nqabad permezz tal-kampanji (mhux uffiċjali, naturalment) tal-kandidati prospettivi issa batta xi ftit mhux ħażin.

Dawk li jikkongregaw madwaru għal raġunijiet ekonomiċi, jieħdu nifs ’il ġewwa

Hemm grupp ta’ nies, l-akkolti ekonomiċi nistgħu nsejħulhom, li ħadu nifs ’il ġewwa għall-fatt li se jibqa’ Muscat fit-tmun. Dawn huma klassi ta’ nies li stagħnew jew raw il-profitti tagħhom jikbru grazzi għall-politika u l-mod kif jiggverna Muscat. Hawnhekk qed nirreferu għal ħafna mill-kuntratturi l-kbar fil-qasam tal-kostruzzjoni, lukandiera kbar u kapijiet ta’ ażjendi kbar li jagħmlu profitti konsiderevoli.

Forsi l-aktar wieħed ovvju minn dawn kollha huwa Sandro Chetcuti, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi. Dan fil-fatt diġà appella biex Muscat jibqa’ Prim Ministru u wera ċertu tħassib għal min jista’ jeħodlu postu. Chetcuti kien qal li hemm komunikazzjoni tajba ħafna bejnu u l-PM.

Lil hinn mill-preferenzi politiċi, personali tiegħu, Chetcuti u ħafna oħrajn bħalu probabbilment huma kuntenti ħafna li għalissa, u sakemm ma jseħħx xi diżastru, il-kontinwità se tkun rinforzata.

Definittivament aħbar tajba għal dawn in-nies!

Iktar qtigħ ta’ qalb fost l-ambjentalisti

Jekk il-kuntratturi u n-negozjanti l-kbar ħadu gost, mhux l-istess jista’ jingħad għall-ambjentalisti jew dawk li jgħożżu l-ambjent.

Dan il-Gvern huwa perċeput bħala wieħed li huwa wisq qrib il-kuntratturi, li jħallihom jagħmlu prattikament dak li jridu u li b’riżultat rajna diversi binjiet jaqgħu u eluf fuq eluf ta’ permessi ħerġin. Bosta żoni spiċċaw b’inkonvenjent minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni, li bħalissa għaddej ġmielu.

Dawn probabbilment ma kinux wisq eċitati bil-prospett ta’ aktar snin ta’ Muscat.

Diżappunt u biża’ fost in-Nazzjonalisti

L-aktar nies li ħadu l-aħbar ta’ Muscat ħażin, kienu n-Nazzjonalisti għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett għax ħafna kienu dawk li ttamaw illi bir-riżenja ta’ Muscat mix-xena lokali, il-Partit Laburista jintefa’ f’tiġrija li tiftaħ feriti tal-passat u toħloq il-pika u d-diviżjoni. Bħalissa, dan biss kien ix-xenarju li jara lill-PN jagħmel avvanzi u l-Labour telf.

Dan ix-xenarju issa mhux se jseħħ.

It-tieni raġuni hija li jekk ma jiġri xejn straordinarju l-aħħar sitt snin urew li b’Muscat fit-tmun tal-Partit Laburista, il-PN għandu kważi garanzija ta’ telf. Muscat jibqa’ kapaċi ħafna biex jikkampanja u allura anke jekk ikun hemm diżillużjoni jew nies li ma jivvutawx, Muscat għadu kapaċi jattira voti ġodda biex jikkumpensa.

L-aktar kuntenti ...

Naturalment l-iktar kuntenti huma l-Laburisti li jridu lil Muscat jibqa’ għar-raġunijiet kuntrarji tan-Nazzjonalisti, li jriduh jitlaq.

Il-Laburisti jaraw f’Muscat, il-persuna li ħarġithom minn sensiela ta’ telf u minn qtigħ il-qalb. Ma’ Muscat il-Labour dar, litteralment u kif jgħidu bl-Ingliż ‘from zero to hero’.

Imma mhux biss. Minkejja kull kritika, Muscat baqa’ jżid il-maġġoranzi tul is-snin, biex laħaq l-akbar maġġoranza ta’ 47,000 minn fuq il-PN fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt mat-tħabbira li se jibqa’ Muscat, ħafna Laburisti rreaġixxew billi sostnew ‘tajjeb, mela ħa nibqgħu nkaxkru.’

Għal-Laburisti din kienet l-aktar aħbar pożittiva mir-rebħa tal-2017, għax qed timmarka kontinwità ta’ rebħ u ggvernar.

Il-Ministri fil-Kabinett; pożittività kawta

Il-Ministri tal-Kabinett għandhom, imma biss sa ċerta punt, rashom mistrieħa li ladarba se jibqa’ l-PM li ħatarhom iċ-ċans huwa li huma jibqgħu fil-Kabinett ukoll.

Imma xejn mhu ċert.

Hemm il-kwistjoni tal-Kummissarju Ewropew u x’se jagħmel Muscat fuq dan il-punt. Jekk jaħtar lill-Ministru Helena Dalli jidħol fiċ-ċans li jagħmel reshuffle, kbir jew żgħir, skont kif jixtieq hu. 

More in Politika