L-istudenti Maltin imorru aħjar fl-Ingliż u l-Matematika milli fil-Malti

Il-marka medjana tal-Malti kienet dik ta' 69 filwaqt li dik għall-Ingliż kienet 72 u 71 għall-Matematika

Fl-eżami magħruf bħala l-Benchmark, l-istudenti marru aħjar fl-Ingliż u fil-Matematika milli fil-Malti.

Skont informazzjoni ppubblikata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, fil-Malti, il-marka medjana kienet dik ta’ 69, filwaqt li dik għall-Ingliż kienet 72 u 71 għall-Matematika.

Fil-Malti l-istudenti kellhom sessjoni ta’ Taħdit, sessjoni ta’ Fehim mis-Smigħ, sessjoni ta’ Fehim mill-Qari u sessjoni ta’ Kitba.

Il-marka medjana nazzjonali f’kull taqsima kienet: 17 fit-Taħdit, 16 fis-Smigħ, 19 fil-Qari u 16 fil-Kitba.

Fl-Ingliż it-taqsimiet kienu l-istess bħal dawk fil-Malti. Fit-Taħdit il-marka medjana kienet 17, fil-Fehim mis-Smigħ 17, fil-Fehim mill-Qari 20 u fil-Kitba 18.

Dawn iċ-ċifri juru li nofs l-istudenti li għamlu l-eżerċizzju tal-Benchmark kisbu 69 marka jew aktar fil-Malti, 72 marka jew aktar fl-Ingliż u 71 marka jew aktar fil-matematika. 

Kull karta tal-Benchmark ġiet immarkata minn żewġ eżaminaturi mingħajr ma nkiteb xejn fuq l-iskritt biex ma jinfluwenzawx lil xulxin. Dan l-eżerċizzju sar minn 104 eżaminatur: 39 għall-karti tal-Malti, 37 għall-karti tal-Ingliż u 28 għall-matematika.

Il-Benchmark din is-sena sar bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju, fi 62 skola primarja tal-Istat, 20 skola primarja tal-Knisja u 4 skejjel primarji indipendenti.

Kien hemm 1,912 tifel u 1,811 tifla, jiġifieri total ta’ 3,723 student u studenta.

Ir-riżultati miksuba mill-istudenti ntbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti kollha ntbagħtulhom fil-5 ta’ Lulju. 

More in Politika