Jisfidaw is-sħana biex bis-saħħa tal-Volleyball ġabru €687,795 għad-Dar tal-Providenza

Ilbieraħ ġiet fi tmiemha l-maratona annwali tal-Volleyball li ssir b’risq Id-Dar tal-Providenza

Waqt il-maratona annwali tal-Volleyball li ssir b’risq Id-Dar tal-Providenza nġabru €687,795.

Il-maratona saret matul dan tmiem il-ġimgħa, bis-somma tinkludi €378,226 li nġabru waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm Xarabank tat-28 ta’ Ġunju.

Erbgħin player rġiel u nisa, coaches, referees, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera sfidaw is-sħana li ppersistiet u għal 53 siegħa sħaħ intlagħab il-Volleyball biex jinġabru l-fondi li din id-Dar tant ikollha bżonn.

Il-Maratona kienet inawgurata uffiċċjalment nhar il-Ġimgħa mill-President George Vella u żaru l-Maratona l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Arċisqof Charles, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, Ministri, Segretarji Parlamentari, Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u membri Maltin tal-Parlament Ewropew.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità li wera f’din il-Maratona u wiegħed li din il-ġenerożità se tissarraf f’aktar ħidma għall-persuni residenti fid-Dar.

More in Politika