Għalissa kollox l-istess ... ftit li xejn tibdiliet fil-kabinett

...ħlief għall-post Helena Dalli jekk din tintgħażel bħala Kummissarju Ewropew. Minflokha jidħol...

Il-Ministri serrħu rashom din il-ġimgħa għax apparti li huwa ċar li għaż-żmien li ġej, probabbilment sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, Joseph Muscat se jibqa’ Prim Ministru, f’laqgħa tal-Kabinett li saret nhar il-Ġimgħa ngħatat l-impressjoni li għaż-żmien li ġej xejn mhu se jinbidel wisq mill-kompożizzjoni tal-Kabinett.

Dan ħlief għal xi bidliet żgħar fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, hekk kif kollox qed jidher illi l-għażla ta’ Muscat għal Kummissarju Ewropew se tkun Helena Dalli. 

Il-gazzetta tkellmet ma’ ħames sorsi, tlieta minnhom fil-Kabinett. Is-sorsi kollha, għajr wieħed, qalu illi l-Prim Ministru mhux mistenni jagħmel bidliet radikali ħlief dawk relatati ma’ Dalli, fejn jekk titlaq waħda, jidħol ieħor jew oħra. 

Kienet din il-gazzetta l-ewwel li żvelat illi l-Ministru Helena Dalli hija l-favorita biex issir Kummissarju Ewropew nhar is-16 ta’ Diċembru 2018, b’din il-gazzetta terġa’ tikkonferma li Dalli hija waħda mit-tliet għażliet nhar it-23 ta’ Ġunju u li fil-fatt hija stess qed timbutta biex tieħu din il-kariga. 

Din il-gazzetta kienet żvelat ukoll u tinsab infurmata mill-ġdid li l-favorit biex jieħu post Dalli jew inkella jidħol fil-kabinett malli titlaq hi, huwa Edward Zammit Lewis, eks Ministru u ħabib tal-Prim Ministru Joseph Muscat. 

Jista’ jkun li apparti dan ikun xi promozzjoni jew bidla għal xi Segretarju Parlamentari, imma kollox ma’ kollox il-kabinett se jibqa’ l-istess. 

Dan ifisser illi l-Gvern jibqa’ b’bejn wieħed u ieħor l-istess ministri illi kienu maħtura wara l-elezzjoni tal-2017. 

Il-Kabinett iltaqa’ nhar il-Ġimgħa hekk kif il-Prim Ministru kien Brussell, fejn kienu għaddejjin negozjati għall-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea. 

Minkejja negozjar, Muscat ma ngħata ebda kariga bl-illum.com.mt tirrapporta sorsi f’Kastilja, ftit wara biss, illi Muscat se jibqa’ Prim  Ministru, probabbilment sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. ​

More in Politika