Qorti | L-istrajk affettwa 18-il titjira u 68 persuna kellhom ibiddlu t-titjiriet

Il-Viċi President tal-ALPA jgħid illi kemm idum involut Emvic Debono ma jista qatt jintlaħaq ftehim

Il-Maġistrat Toni Abela sema' s-sottomissjonijiet dwar il-mandat ta' inibizzjoni tal-Air Malta kontra l-unjin tal-piloti ALPA biex twaqqaf l-azzjoni industrijali li rat diversi titjiriet jittardjaw għal kważi ġurnata sħiħa. 

It-titjiriet kollha ttajru 30 minuta tard, hekk kif il-piloti segwew azzjoni industrijali wara li fallew milli jilħqu ftehim dwar il-pakkett finanzjarju ta' rtirar għall-piloti. 

L-Air Malta ressqet dan il-mandat wara li qalet illi l-azzjonijiet tal-ALPA kienu illegali u li qed jippreġudikaw lill-kumpanija u l-interessi tagħha.

L-Avukat tal-Air Malta Ron Galea Cavallazzi staqsa lill-Qorti biex tisma' x'kienu jkun l-impatt tal-azzjoni industrijali u l-konsegwenzi potenzjali tal-azzjonijiet kieku dawn baqgħu jesklalaw.  

L-Avukat tal-ALPA Andre Portelli iżda opppona u qal li kwalunkwe prova trid tinġieb dwar l-allegat impatt tal-azzjoni industrijali li saret. 

Wara li semgħet l-argumenti kollha, il-Qorti laqgħet it-talba ta' Galea Cavallazzi. 

Meta kien qed jixhed il-Kaptan Emvic Debono, Chief Flight Operations Officer tal- Air Malta, tkellem dwar kommunikazzjoni bejn l-ALPA u l-membri tagħha. Din kienet twissi illi jekk il-Gvern ma jilqax it-talbiet tal-ALPA sal-Ħadd 30 ta' Ġunju, il-piloti għandhom ikunu lesti għall-azzjonijiet. 

Portelli fakkar lix-xhud f'talba biex jirreżenja mill-kariga wara "theddid u intimidazzjoni" lejn l-ALPA. Debono ammetta li dan ġara imma sostna li hu m'aċċettax li jirriżenja. 

Jidher illi r-riżenja kienet mitluba fid-dawl ta' theddid u intimidazzjoni lejn żewġ membri tal-ALPA. 

Mistoqsi direttament mill-Qorti għaliex seħħet l-azzjoni industrijali, Debono qal illi dan ġara għax "skonthom (l-ALPA) kien hemm xi theddid."

Waqt ix-xhieda tiegħu l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Paul Siesqal illi l-azzjonijiet affetwaw 18-il titjira filwaqt li 68 persuna kellhom ibiddlu t-titjiriet tagħhom. Dan kollu sewa bejn €70,000 u €80,000 kuljum u €80,000 f'bookings. 

Mistoqsi minn Galea Cavallazzi, ix-xhud qal illi ma kienx ikollu bżonn jgħaddi ħafna żmien biex l-Air Malta ikollha problema reali, kieku l-azzjonijiet ġew eskalati. 

"Konna ikkomunikajna wkoll mas-sieħeb kummerċjali biex nippreparaw fl-eventwalità li l-azzjoni tkompli. L-Alitalia qalet li jekk ikomplu għaddejjin l-azzjonijiet ikollhom jevalwaw mill-ġdid ir-relazzjoni li għandhom magħna."

Il-Kaptan Matthew Degiorgio, Viċi President tal-ALPA, sostna li l-azzjoni industrijali saret fl-aħjar interessi taż-żewġ naħat.Aħna konnja qed naraw lil Emvic Debono bħala impediment għall-għeluq tan-negozjati. Iż-żewġ naħat ma jafdawhx u kull darba  li konna naqblu kien jibgħat il-qbil lura b'bidliet differenti."

"Jiena kont appuntat kaptan is-sena l-oħra u Debono ssospendini u qatagħli l-paga bin-nofs biex jintimidani qabel in-negozjati," qal Degiorgio. 

"Kemm idum involut dan ir-raġel, ma nistgħu qatt naslu għal ftehim." 

Degiorgio temm jgħid li l-azzjonijiet tal-ALPA saru b'rieda tajba. 

More in Politika