Adrian Delia jaqbel li jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali u li ssir votazzjoni dwaru

Jipproponi wkoll li Louis Galea jmexxi r-riforma fil-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għażel hu stess li jsejjaħ Kunsill Ġenerali wara li aktar minn 150 kunsillier ivvutaw biex dan iseħħ.

Id-deċiżjoni ttieħdet illejla waqt laqgħa tal-Eżekuttiv fejn ġiet diskussa din il-petizzjoni.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Delia qal li qed jagħżel li jsejjaħ dan il-Kunsill Ġenerali għall-ġid tal-Partit. Dan se jkun qed isir fis-27 ta' Lulju.

Dan il-Kunsill mistenni jivvota wkoll dwar il-futur ta' Adrian Delia u dan skont kif mitlub fl-istess petizzjoni.

Intant, se jkun Francis Zammit Dimech li se jmexxi dan il-proċess.

Louis Galea se jmexxi r-riforma fil-PN

Apparti minn hekk, Adrian Delia ressaq ukoll proposta biex ikun l-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea li jmexxi riforma fil-Partit Nazzjonalista.

Jidher li din il-proposta kellha l-appoġġ tal-Kumitat Eżekuttiv u Galea aċċetta l-kariga.

Delia ppropona li Galea, fuq l-inizjattiva tiegħu, jkollu fakultà jiltaqa' ma kull organu, fergħa, kumitat, tesserat, partitarju, midja jew amministrazzjoni tal-partit biex jisma' mingħandhom fehmiet u jew suġġerimenti tagħhom

Il-Kap Nazzjonalista ppropona wkoll li Galea jattendi kwalunkwe laqgħa ta' xi organu jew fergħa tal-partit bħala osservatur u jkun jista' wkoll jikkonsulta u jiddjaloga ma' persuni jew għaqdiet barra mill-PN.

Apparti minn hekk, Louis Galea se jkun qiegħed jirraporta lill-Kap u li jkun jista' jiltaqa' mal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Amministrattiv skont il-ħtieġa u li jagħti rapport finali tal-ħidma tiegħu fi żmien sena.

Fi stqarrija, intqal kif Louis Galea se jkun qed jagħmel din il-ħidma b'mod volontarju u mingħajr ebda remunerazzjoni.

Il-Kumitat Eżekuttiv laqa' b'mod unanimu  din il-proposta ta' Adrian Delia.

Min ġie elett?

Tul l-istess laqgħa, il-Kumitat Eżekuttiv eleġġa lil Alex Perici Calascione bħala President tiegħu, filwaqt li Carm Mifsud Bonnici kien elett President tal-Kunsill Amministrattiv.

Perici Calascione kkontesta waħdu wara li aktar kmieni, Graziella Attard Previ, irtirat in-nomina tagħha. Huwa ġie elett bi 53 vot favur u 24 vot kontra.

Min-naħa tiegħu, Carm Mifsud Bonnici kien elett wara li kiseb 46 vot, filwaqt li Graham Bencini, li kkontesta għall-istess kariga, kiseb 31 vot.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jerġa' jiftaħ in-nomina għall-kariga ta' Teżorier u dan wara li Charles Selvaggi rtira n-nomina tiegħu minħabba raġunijet professjonali li se jkun inkarigat bihom.

More in Politika