Illum il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu deċiżjonijiet importanti

Illejla se jitlaqqa' l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li mistenni jiddeċiedi fuq irwoli importanti u anke jiddiskuti l-petizzjoni li qed titlob vot dwar Delia

Illum se jkun qed jitlaqqa' l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li mistenni jiddeċiedi fuq irwoli importanti fil-Partit Nazzjonalista u anke l-petizzjoni ffirmata minn aktar minn 150 kunsillier biex isir vot dwar il-futur ta' Adrian Delia.

Il-president tal-Kumitat Eżekuttiv se jkun qed jintagħżel wara r-riżenja ta' Mark Anthony Sammut li fl-aħħar ġimgħat ħadha qatta' bla ħabel kontra t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, tant li kien wieħed minn dawn li ppreżenta l-petizzjoni.

Għall-President tal-Kumitat Eżekuttiv tefgħu isimhom Graziella Attard Previ, magħrufa bħala persuna viċin Delia u Alex Perici Calascione li mhux biss kien ikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iżda dan l-aħħar kien ukoll kritiku tat-tmexxija ta' Delia.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi wkoll fuq aktar irwoli importanti, fosthom dak ta' teżorier, li għalih tefa' ismu Charles Selvaggi.

Irid jagħżel ukoll lill-President tal-Kunsill Amministrattiv. Għal din il-kariga tefgħu isimhom Graham Bencini, il-President tal-Forum tal-Professjonisti tal-PN li kien wieħed minn dawk li ffirma biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali u d-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici li jidher li dan l-aħħar kien qed joħroġ għonqu għal Adrian Delia waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari.

Għadu mhux magħruf jekk illejla hux se tkun deċiża data meta se jkun qed jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali u anke jekk hux se tkun diskussa petizzjoni oħra li tressqet ilbieraħ u li tagħti appoġġ lil Adrian Delia.

Il-PN se jivverifika l-petizzjonijiet tal-bieraħ u jgħaddihom lill-Kumitat Eżekuttiv

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkonferma li lbieraħ irċieva żewġ petizzjonijiet, waħda mingħand 4,330 tesserat u oħra minn 530 kunsillier.

"Il-petizzjonijiet jesprimu l-fiduċja tagħhom fil-Kap tal-Partit Adrian Delia filwaqt li jitolbu għall-għaqda, għal diskussjoni matura u għal responsabbiltà kollettiva. Il-petizzjoni qed tappella biex minflok riżenji jkun hemm ħidma akbar sabiex il-PN jiġbed aktar nies lura," spjegat l-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista spjega kif wara li jsiru l-verifiki neċessarji, il-President tal-Kunsill Generali se tkun qed tgħaddi din it-talba ta' dawn il-membri tal-Kunsill Generali, kif ukoll tat-tesserati, lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika