Muscat jikkonferma li ma għandu l-ebda intenzjoni li jitlaq

Waqt żjara fir-Repubblika Ċeka Muscat saħaq li se jaqdi l-irwol tiegħu ta' Prim Ministru b'aktar entużjażmu

Muscat mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka
Muscat mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li ma għandu l-ebda intenzjoni li jitlaq għalissa u dan hekk kif qal lil ġurnalisti li se jkompli jaqdi l-irwol tiegħu bħala Prim Ministru b’aktar entużjażmu.

Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt żjara uffiċjali li qed jagħmel fir-Repubblika Ċeka wara rapporti li lbieraħ kien viċin li jilħaq President tal-Kunsill Ewropew.

Mistoqsi x’se jkun il-pass li jmiss għalih, Muscat qal biss li se jibqa’ Prim Ministru u se jaqdi dan l-irwol b’aktar entużjażmu.

Kien mas-sit illum.com.mt li lbieraħ, sorsi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħqu li Muscat mistenni jibqa' Prim Ministru ta' Malta għaż-żmien li ġej, probabilment sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Kieku Joseph Muscat sar il-President tal-Kunsill Ewropew kien ikollu ċans sa Ottubru biex jirriżenja minn Prim Ministru.

L-ispekulazzjoni dwar jekk Muscat hux se jitlaq jew le qamu wara li kien hu stess li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali ddikjara li mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni oħra.

More in Politika