L-Air Malta setgħet tilfet il-profitt kieku l-bdoti tħallew ikomplu bl-azzjoni industrijali

Jidher li l-azzjoni industrijali, li wasslet biex it-tnejn jittardjaw numru ta' tirjiriet, swiet lil Air Malta €250,000 

L-azzjoni industrijali li l-Unjin tal-Bdoti (ALPA) ordnat għal nhar it-Tnejn li għadda swiet lil Air Malta madwar €250,000 fi spejjeż.

Il-bdoti tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru ngħataw ordnijiet biex itajru l-ajruplani kollha tal-Air Malta nofsiegħa tard.

Madanakollu, din l-azzjoni kienet sospiża dakinhar stess meta l-Air Malta għamlet mandat ta' inibizzjoni li kien milqugħ mill-Qorti.

Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday spjegaw kif minħabba t-titjiriet li laħqu ttardjaw, il-Linja tal-Ajru kellha toħroġ bejn €200,000 u €250,000.

Huma spjegaw kif minkejja li dan l-ammont ma jidhirx ħafna, ikun hemm problemi meta l-passiġġieri jkollhom dawk magħrufa bħala connecting flights u minħabba f'hekk, il-linja tal-ajru jkollha tagħmel arranġamenti oħra.

Fil-fatt, l-istess sorsi spjegaw kif l-Air Malta għamlet profitt minimu s-sena li għaddiet iżda dan seta' faċilment jitħassar kieku l-azzjoni industrijali kompliet.

L-azzjoni industrijali ssejħet għax l-ALPA trid garanzija mill-Gvern li l-iskema ta' irtirar kmieni, li permezz tagħha l-Bdoti jieħdu €700,000 meta jagħlqu 55 sena, tkompli anke f'każ li l-Linja tal-Ajru tfalli.

Madanakollu, il-Ministru Konrad Mizzi baqa' jiddeskrivi din it-talba bħala surreali, anke għax fi kliemu tmur kontra regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Mizzi kien akkuża lill-ALPA li qed taħdem bil-konra tal-viżjoni tal-Gvern u stakeholders oħra li l-Linja tal-Ajru tissaħħaħ u tikber.

"Jekk l-Air Malta ma tkunx f'pożizzjoni li tkabbar, aħna nistgħu nużaw il-Malta MedAir li ilha kumpanija oħra tal-Gvern. L-għażliet qegħdin hemmhekk. L-objettiv tal-Gvern jeħtieġ jintlaħaq," kien wissa l-Ministru Mizzi.

More in Politika