Il-Qatar Airways tinawgura uffiċjalment it-titjira ta' kuljum minn Doha għal Malta

Il-Qatar Airways se topera din it-titjira kuljum fis-sajf u erba' darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa

Il-Qatar Airways iċċelebrat il-bidu uffiċjali tat-titjira li qed topera minn Doha (kapitali tal-Qatar) għal Malta, waqt attività li saret ilbieraħ fil-lukanda Hilton.

Għal din l-attività attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, inkluż il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona, Carmelo Abela u anke l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Qatar Airways, Akbar al Baker, saħaq li jinsab fiduċjuż li permezz ta’ titjiriet ta’ kuljum fis-sajf u anke erba’ titjiriet fil-ġimgħa fix-xitwa, Malta se tkun qed tistabbilixxi ruħha bħala destinazzjoni importanti tar-reġjun.

Huwa saħaq li r-rotta se tkun operata minn ajruplan Airbus A320 li jinkludi 12-il seat Business Class u 120 seat Economy Class, fejn il-passiġġieri se jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-diversi servizzi li toffri l-linja tal-ajru.

Preżentament, il-Qatar Airways għandha ‘l fuq minn 250 ajruplan u ttir lejn 160 destinazzjoni.

It-titjiriet minn Doha għal Malta u viċi versa se jkunu operati hekk:

  • Doha għal Malta QR381. Tluq 01:55 u tasal 06:45 (It-Tnejn, l-Erbgħa, il-Ġimgħa u l-Ħadd)
  • Malta għal Doha QR382. Tluq 09:20 u tasal 15:25 (It-Tnejn, l-Erbgħa, il-Ġimgħa u l-Ħadd)
  • Doha għal Malta QR383. Tluq 08:45 u tasal 13:25 (It-Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt)
  • Doha għal Malta QR384. Tluq 17:45 u tasal 23:50 (It-Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt)

More in Politika