Il-PN jisħaq li Malta għandha tkun attiva biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt Libjan

Fi stqarrija l-PN qed jisħaq li Malta ma għadhiex meqjusa rilevanti għas-soluzzjonijiet lejn il-paċi u d-demokrazija

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern b’abbandun totali fil-qasam diplomatiku u dan għax fi kliemu, Malta ma għadhiex ikkunsidrata aktar rilevanti għas-soluzzjonijiet lejn il-paċi u d-demokrazija.

Din l-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista ħariġha għax il-Prim Ministru Libjan, Fajez Serraj, kien l-Italja jiddiskuti u jikkonsulta mal-Gvern Taljan.

Il-kelliema Carm Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight fakkru kif fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, il-Libja dejjem kien miżmum għoli fil-prijoritajiet.

“Ifakkar ir-rabtiet storiċi, soċjali u bilaterali li kellmna. Dejjem rajnieh bħala ħabib u determinanti fit-tkabbir ekononiku tagħna u tar-reġjun,” tisħaq l-istqarrija.

Il-PN kompla jinsisti li l-kunflitt fil-Libja li ilu għaddej diversi ġimgħat qed joffri spazju perikoluż għall-gruppi terroristiċi.

“Sitwazzjoni li m’għandniex nittolleraw u nistennew fil-ġenb qisu mhu qed jiġri xejn,” saħaq il-PN.

Appella biex jittieħdu l-passi u l-miżuri neċessarji biex il-pajjiż jgħin fil-ħidma diplomatika.

“Ma nistgħux nibqgħu nassistu għal dan l-abbandun għax il-konsegwenzi se jaffettwaw il-futur tagħna,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika