Delia jibqa' ma jweġibx dwar jekk jaqbilx li jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali

Il-Kap Nazzjonalista kien qed iwieġeb mistoqsijiet wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Adrian Delia, Kap tal-PN
Adrian Delia, Kap tal-PN

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia injora mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk jaqbilx li għandu jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali wara l-petizzjoni ffirmata minn aktar minn 150 membru tal-Kunsill Ġenerali.

Mistoqsi jekk hux lest li jiffaċja sejħiet dwar ir-riżenja tiegħu fil-Kunsill Ġenerali, Delia wieġeb biss li nhar il-Ħamis se jkun qed jitlaqqa l-Eżekuttiv tal-Partit li se jkun qed jiddeċiedi dwar din il-petizzjoni u anke t-triq 'il quddiem.

Il-ġurnalist ta' The Times of Malta staqsa lil Delia għalfejn qed jinjora dawn it-talbiet għar-riżenja tiegħu, b'Delia jwieġeb li mhux qed jinjorahom.

Insista li l-Partit Nazzjonalista għandu statut. Fi kliemu mhuwiex il-Kap li jiddeċiedi dak li għandu jseħħ, iżda r-regoli u l-istatut tal-Partit.

"Aħna partit demokratiku," insista Delia.

Huwa saħaq li l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddeċiedi dwar xi jkun fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista bħalissa, inkluż jekk għandux jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.

Delia kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa li damet madwar sagħtejn tal-Grupp Parlamentari.

More in Politika