Ir-regoli l-ġodda qed jagħmlu s-siti ta' kostruzzjoni aktar siguri? Il-periti jistaqsu

Il-Kamra tal-Periti tisħaq li għad hemm bżonn emendi u aktar spjegazzjoni dwar kif għandhom jiġu interpretati r-regoli l-ġodda

Il-Kamra tal-Periti qed tistaqsi jekk ir-regoli l-ġodda għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar, skont l-Avviż Legali mħabbar fl-aħħar jiem, hux vera qed jagħmlu l-postijiet tal-kostruzzjoni aktar siguri, kemm għall-ħaddiema u anke għan-nies li joqogħdu fil-viċin.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti saħqet li waqt laqgħa li saret ilbieraħ filgħodu bejn il-Kamra tal-Periti u l-konsulenti tal-Gvern rigward l-Avviż Legali, fil-preżenza tal-President tal-MDA Sandro Chetcuti, kien maqbul li l-Avviż Legali jeħtieġ numru ta’ emendi, u sadanittant kellhom joħorġu gwidi uffiċjali għall-operaturi fl-industrija dwar it-tip ta’ xogħlijiet li jistgħu jiġu eżentati mill-provedimenti.

“Intqal b’mod ċar lill-Kamra li l-ebda twaqqigħ jew skavar ma kien ser ikun eżentat mir-regolamenti l-ġodda,” saħqet il-Kamra tal-Periti. Madanakollu insistiet li għadu mhux ċar jekk il-bini ta’ sulari ġodda fuq bini eżistenti hux eżenti minn dawn ir-regolamenti.

“Jidher illi l-unika mod kif xogħol ta’ kostruzzjoni jista’ jitħalla jipproċedi huwa billi l-BRO tħalli li rregolamenti jiġu injorati kompletament. Dan iqajjem il-mistoqsijiet jekk is-saħħa tan-nies hix qed tiġi salvagwardjata bid-dħul ta’ dawn ir-regolamenti, jekk iktar tiġrif ta’ bini ser ikun evitat, u jekk din il-konfużjoni kollha li nħolqot wasslitx għal xi ħaġa,” komplew jisħu l-Periti.

Min-naħa tagħha, il-Kamra qed tħeġġeġ lill-periti biex ikomplu josservaw il-provedimenti tal-Avviż Legali kif inhu, sakemm il-BRO toħroġ gwidi uffiċjali li jinterpretaw dan l-Avviż Legali.

Meta jinħarġu tali gwida, il-Kamra se tkun qed  tistudja jekk jaqblux ma’ dak li ġie maqbul, u toħroġ pariri lill-membri tal-professjoni.

“Il-Kamra ngħatat assigurazzjonijiet li kienet ser tirċievi r-raba’ verżjoni tal-formoli relattivi tal-BRO għall-verifika tagħha qabel ma jiġu ppubblikati. Il-BRO ma żammietx ma’ dawn l-assigurazzjonjiet. Il-Kamra għadha mhux qed taqbel mal-formoli kif ġew ippubblikati lbieraħ,” tkompli tgħid l-istqarrija.

Kien hawn li l-periti wrew it-tħassib tagħhom għax, fi kliemhom, huma ftit mijiet biss is-siti ta’ kostruzzjoni li reġgħu bdew joperaw.

“Ma tistax tifhem għaliex inħoloq dan il-kaos kollu, meta issa qed tiġi infurmata li ħafna mis-siti, ħlief dawk li jinvolvu xogħol ta’ twaqqigħ u skavar, jikkwalifikaw għal eżenzjoni mir-regoli. B’dan l-Avviż Legali is-siti ta’ kostruzzjoni ser ikunu iktar siguri?” saħqet u staqsiet il-Kamra tal-Periti.

Fakkret ukoll li t-talba tal-Kamra għar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi, li ġiet imtennija b’saħħa mill-membri tal-MDA matul il-laqgħa ta’ informazzjoni li saret ilbieraħ, għadha ma ġietx implimentata mill-Gvern.

“Fl-opinjoni tal-Kamra, dan huwa l-iktar pass kruċjali sabiex tiġi mħarsa is-saħħa tan-nies u ma jiġux ripetuti l-inċidenti li seħħew matul dawn l-aħħar xahrejn,” temnmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika