Dione Borg jipproponi t-twaqqif ta' Kummissjoni li tippreżenta lill-PN bi proposti u riformi

Borg bagħat ittra lil Clyde Puli u lil Kristy Debono biex dan ikun diskuss waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

L-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Dione Borg, bagħat ittra lis-Segretarju Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u lill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono biex tiġi diskussa l-possibbilità li tinħoloq Kummissjoni ta’ Ħidma biex tippreżenta lill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista b’numru ta’ proposti u riformi.

Fl-ittra, Dione Borg qiegħed jipproponi wkoll li ssir diskussjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista waqt il-Kunsill Ġenerali li jista’ jitlaqqa’ wara l-petizzjoni mressqa minn għadd ta’ kunsilliera.

Dwar il-Kummissjoni ta’ Ħidma, Borg qiegħed jipproponi li din għandha tersaq ‘il quddiem bi proposti dwar kif il-PN jista’ jtejjeb u jifforma l-ħidma interna tiegħu, l-istrutturi, il-mod kif jitwassal il-messaġġ politiku, ir-relazzjoni u d-distinzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-Grupp Parlamentari, fost proposti oħra.

Fl-ittra Borg qed jipproponi li din il-Kummissjoni tibda l-ħidma malajr kemm jista’ jkun u sal-aħħar tas-sena tlesti rapport biex il-partit jibda bl-implimentazzjoni tal-proposti.

Fi kliemu, din il-Kummissjoni għandha tibda proċess ta’ djalogi distrettwali mal-attivisti, fejn huma flimkien mal-membri tal-Kumitati sezzjonali jkunu jistgħu jressqu l-proposti tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess waqt, ikompli jisħaq Dione Borg, għandhom jitwaqqfu gruppi speċjalizzati biex jiffukaw fuq proposti paralelli ma’ dawk li jagħmlu l-attivisti.

‘Dan hu mument kruċjali għall-Partit Nazzjonalista, mument li fih l-interess tal-PN għandu jkun l-uniku prijorità biex il-PN jerġa’ jsir l-aqwa għodda politika fil-pajjiż,” temm jgħid Borg.

More in Politika