'Surreali li t-tmexxija ma tiħux responsabbilità u twaħħal f’kulħadd barra fiha nnifisha'

Wayne Hewitt jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u dak li għandha tagħmel it-tmexxija

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista u l-possibbilità ta' Kunsill Ġenerali li jiddeċiedi dwar il-futur ta' Delia, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Wayne Hewitt.

Kemm ilek timmilita fil-Partit Nazzjonalista? Għandek irwol? X’inhu?

Dejjem ivvutajt lill-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni ġenerali li kont eliggibli nivvota. Ili ’l fuq minn 10 snin attiv f’diversi organi tal-Partit.  Fl-2009 dħalt attiv bħala membru tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN ġewwa l-Gżira.  Kont involut ukoll bħala membru tal-eżekuttiv tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, fejn okkupajt il-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-istess forum għal perjodu ta’ żmien.

Fl-2015 ikkontestajt b’suċċess l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali tal-Gżira, fejn ġibt l-ikbar ammont ta’ voti individwali miż-żewġ Partiti ġewwa l-lokalità, saħansitra iktar mis-Sindku tal-Partit Laburista. Dakinhar kont għent lill-Partit Nazzjonalista jnaqqas id-distakk minn mal-Labour ġewwa l-Gżira bi 8% u għent biex għal ftit voti il-Partit kien viċin li jerġa’ jieħu l-Kunsill tal-Gżira f’idejh. Fl-2017 ikkontestajt bħala Kandidat tal-PN, l-elezzjoni ġenerali fuq id-9 u l-10 Distrett.

Adrian Delia għandu jitlaq jew jibqa’ fil-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista?

Bħala persuna m’għandi xejn personali kontra Adrian Delia. Anzi pjuttost insibu bniedem affabbli u nemmen li jista’ jkun ta’ kontribut għall-Partit fi rwoli oħra barra dik ta’ Kap. Bħala Kap, nemmen li Adrian għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-ikbar telfa elettorali fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.

Ma taħsibx li nies bħalek qegħdin jisfidaw deċiżjoni demokratika magħmula mit-tesserati li għażlu lil Adrian Delia?

Assolutament li le. Adrian Delia tela’ bil-vot tat-tesserati però ħadd ma jiġi elett f’kariga jew irwol għal dejjem. Adrian Delia ġie elett bħala Kap minn fost madwar 15,000 votant tesserat, u ġie sfiduċjat minn madwar 300,000 votant minn Malta u Għawdex fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li għadda. Min hu vera demokratiku jirrispetta l-vot tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u jerfa’ r-responsabbiltà politika.

La Lawrence Gonzi u lanqas Simon Busuttil ma rreżenjaw meta sofrew telfiet kbar fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Mela għalfejn għandu jagħmel dan Delia?

Il-kuntesti huma totalment differenti. Lawrence Gonzi rreġistra suċċess billi rebaħ elezzjoni ġenerali fl-2008 u kien fil-pożizzjoni ta’ Prim Ministru fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009. Simon Busuttil, fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014, naqqas id-distakk li ġab Gonzi fl-2013 minn 35,280 għal 33,677 u rebbaħ lill-PN it-3 siġġu, jiġifieri rreġistra progress fuq il-predeċessur tiegħu.

Adrian Delia tela’ bil-vot tat-tesserati però ħadd ma jiġi elett f’kariga jew irwol għal dejjem. Adrian Delia ġie elett bħala Kap minn fost madwar 15,000 votant tesserat, u ġie sfiduċjat minn madwar 300,000 votant minn Malta u Għawdex

Adrian Delia tellef lill-PN 75% tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta, tellef lill-PN it-3 siġġu fil-Parlament Ewropew u wessa’ d-differenza bejn il-PN u l-PL għal 47,000 – l-agħar riżultat tal-PN fl-istorja tiegħu. B’riżultat bħal dan kif jista Kap ma jerfax ir-responsabbilità politika u jirreżenja?

Barra minn hekk Adrian Delia kisser relazzjonijiet ma’ sezzjonijiet sħaħ tal-poplu li tradizzjonalment jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultati ħżiena ma jiġux mix-xejn. Kif tippretendi li l-Partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem jekk it-tmexxija ta’ Delia kienet iktar iffukata tipprova tkeċċi lill-Kap uxxenti tal-Partit, Simon Busuttil u tattakka t-Times of Malta, l-Occupyjustice, lil Daphne Caruana Galizia, bloggers varji u saħansitra fergħat importanti minn ġol-Partit stess bħal dik tal-MZPN?

Hija surreali li t-tmexxija ma tiħux responsabbilità għad-deċiżjonijiet ħżiena; waħda wara l-oħra u twaħħal f’kulħadd barra fiha nnifisha, saħansitra tasal biex tinsulta l-intelliġenza tan-nies u tqabbel riżultat diżastruż ma’ sondaġġi biex tiġġustifika li tibqa’ ggranfata mal-paga

Inti temmen illi jekk jitlaq Delia, problema solvuta?

Li Adrian Delia jwarrab minn Kap hu l-ewwel pass minn ħafna passi li jridu jittieħdu. Wara din it-trawma li għadda minnha, nemmen li l-Partit ma jiflaħx għal kontestazzjoni immedjata għal Kap, u għalhekk naqbel ma’ min qed imexxi l-idea, li l-Partit jappunta Kap Interim, ta’ storja u rispett wiesa’ fil-Partit li xogħlu jkun primarjament li jixpruna l-għaqda fil-Partit u jipprepara l-Partit biex ikun b’saħħtu biżżejjed biex jinfetaħ għall-kontestazzjoni miftuħa għall-Kap wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Lil min trid tara illi jitlaq ma’ Delia wkoll?

Jean Pierre Debono bla dubju u meta ngħid jitlaq, qed nirreferi għall-kariga preżenti tiegħu bħal ‘Chief Political Coordinator’, l-isem li Delia ta lil dik li kienet il-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali sa dakinhar. Dan il-persuna kien ilu jokkupa l-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali għal telfa elettorali wara l-oħra minn żmien Gonzi ’l hawn u qatt ma refa’ xi forma ta’ responsabbilità politika. Segretarji Ġenerali varji jirreżenjaw u dan il-persuna jibqa’ hemm qisu xejn mhu xejn.

Fuq kollox, li għandu f’idejh il-listi tal-Kunsilliera, tesserati, eżekuttiv u amministrattiv li minnhom joħorġu l-voti varji, għandu dellijiet konkreti ta’ tbagħbis f’dawn l-istess listi tant li ċċanfar mill-Partit wara li nqabad b’firem foloz ta’ prokuri ta’ tesserati għall-elezzjoni għall-Kap u l-allegazzjonijiet riċenti li għamel Mark Anthony Sammut fuq l-elezzjoni tal-eżekuttiv fuq il-kwistjoni ta’ Kevin Cutajar.

Meta tara dawn l-affarijiet, u dan jibqa’ fl-istess kariga qisu xejn mhu xejn, tkompli titlef il-fiduċja fit-tmexxija tal-Partit.

U l-alternattiva? Lil min trid jew timmaġina li huwa idoneu li jieħu post Adrian Delia?

Kif għidt qabel nemmen li għandu jkun hemm Kap interim li għandu rispett wiesa’ u xogħlu jkun li jixpruna dak proċess intern ta’ fejqan.  Dan il-Kap interim għandu jwassal lill-Partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss u jħalli Partit b’saħħtu biżżejjed li jkun jista’ jinfetaħ għal elezzjoni biex il-Partit jappunta Kap ġdid wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Nies bħal Louis Galea, Tonio Borg, Joe Borg u oħrajn huma eżempji ta’ nies li għandhom rispett wiesa’ fil-Partit u jistgħu jkunu kapijiet interim idoneji li kapaċi jgħinu biex jgħaqqdu lill-Partit.

Jekk isir Kunsill Ġenerali u Delia jirbaħ b’aktar minn 75%-80% ma taħsibx li jkun ċertifikat ċar favur Delia?

Fil-politika tgħallimt ma nispekulax fuq ipoteżi. Wieħed għandu jistenna r-riżultat u jislet il-konklużjonijiet skont ir-riżultat. Il-fatt bla preċedent fl-istorja tal-PN li ’l fuq minn 150 kunsillier iffirmaw petizzjoni għal vot ta’ fiduċja fil-Kap hi diġà indikattiva tal-istat li tinsab fih il-pożizzjoni tiegħu fil-Kunsill Ġenerali.

Li hu żgur hu li jekk ma jiksibx l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-Kunsill Ġenerali, il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-PN se tkun ħafna inqas tenibbli milli hi diġà llum.

More in Politika