Aġġornata | Il-Qorti twaqqaf l-azzjoni industrijali tal-bdoti

Konrad Mizzi jwissi lill-bdoti u jfakkar fil-kumpanija tal-Gvern Malta MedAir li tista' tidħol f'każ li jostakolaw it-tkabbir tal-Air Malta

Il-Qorti laqgħet it-talba li saret aktar kmieni llum mill-Air Malta u waqfet temporanjament l-azzjoni industrijali tal-bdoti tal-Air Malta li wasslet biex diversi titjiriet tal-Air Malta ttardjaw b'nofsiegħa.

L-azzjoni industrijali kienet irreġistrata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bdoti (ALPA) u dan għax fi kliemha, il-Gvern mhux se jiggarantixxi li l-iskema ta' irtirar kmieni, li tħallas lill-bdoti €700,000 meta jagħlqu 55 sena, tibqa' fis-seħħ f'każ li l-linja tal-ajru tfalli.

B'messaġġ fuq Facebook, il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li l-Gvern mhux se joqgħod "għal dan it-theddid."

Huwa ddeskriva t-talba tal-ALPA bħala waħda "surreali."

"Hawn grupp ta' stakeholders li qed jippretendu l-impossibbli mingħand il-Gvern," saħaq il-Ministru Konrad Mizzi waqt li insista li għall-kuntrarju, stakeholders oħra qed jaħdmu biex l-Air Malta tkompli tikber.

"Aħna konvinti li l-Air Malta se tkompli teżisti. Konvinti li se nkabruha," saħaq il-Ministru Konrad Mizzi. "Biex dan iseħħ, l-ALPA u l-istakeholders kollha jiġbdu ħabel wieħed."

Dwar il-garanzija, il-Ministru Mizzi qal ċar u tond li l-Gvern mhux se jagħti garanziji li ma jistax jagħti.

"Il-viżjoni tagħna hija li aħna se nikbru," qal il-Ministru. "Biex dan iseħħ, il-pajjiż għandu bżonn linja tal-ajru flessibbli li taħdem. Jekk l-Air Malta ma tkunx f'pożizzjoni li tkabbar, aħna nistgħu nużaw il-Malta MedAir li ilha kumpanija oħra tal-Gvern. L-għażliet qegħdin hemmhekk. L-objettiv tal-Gvern jeħtieġ jintlaħaq."

Temm jgħid li l-Gvern se juża l-mezzi kollha possibbli biex iwaqqaf "dawn l-azzjonijiet illegali."

X'qalet l-Air Malta dalgħodu?

Kienet il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, li dalgħodu ressqet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bdoti (ALPA).

Fi stqarrija mibgħuta dalgħodu, l-Air Malta spjegat kif kienu ilhom għaddejin taħdidiet u diskussjonijiet mal-ALPA bil-għan li ma jkunx hemm azzjonijiet industrijali u saħqet li ntlaħaq kompromess nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju.

Madanakollu, tkompli tispjega l-istqarrija, waqt laqgħa tal-ALPA li saret ftit wara, il-unjin tal-bdoti insistiet li jekk il-Gvern mhux se jiggarantixxi li l-iskema ta' irtirar kmieni tibqa' fis-seħħ f'każ li l-linja tal-ajru tfalli, se tkun qed tħabbar azzjoni industrijali.

L-istqarrija tkompli tisħaq li l-ALPA ma avżatx minn qabel u biżżejjed lill-Kumpanija dwar din l-azzjoni industrijali u dan skont kif stabbilit fil-ftehim kollettiv.

Minħabba dan u raġunijiet oħra, l-Air Malta qed titlob lill-Qorti biex twaqqaf lill-ALPA u lill-membri tagħha mili jieħdu azzjonijiet oħra li ddeskrivithom bħala illegali.

L-Air Malta insistiet ukoll li se tkun qed tikkalkula l-ispejjeż u d-danni li se tkun ġarrbet minħabba din l-azzjoni industrijali u se tkun qed tinsisti li dawn jitħallsu mill-bdoti.

Il-Gvern għalfejn mhux qed jaċċetta u x'ġara dalgħodu?

Intant, numru ta' titjiriet ġew affetwati mill-azzjoni industrijali tal-bdoti wara li l-Assoċjazzjoni li tirrapreżentahom (ALPA) ordnatilhom biex itajru l-ajruplani tal-Air Malta nofsiegħa tard.

Skont is-sit uffiċjali tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, titjiriet ta' filgħodu kmieni lejn Londra, Ruma u Amsterdam kollha telqu nofsiegħa tard.

Jidher li se jkunu qed jittardjaw ukoll titjiriet lejn Munich, Tel Aviv u Berlin.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern minnufih insista li ma jistax jaċċetta t-talba tal-ALPA hekk kif din tikser ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat.

More in Politika