Investiment ta’ €28 miljun fit-trakka taż-żwiemel fil-Marsa

L-ILLUM tiżvela kif il-Gvern se jkun qed iħabbar investiment qawwi fit-trakka tat-tiġrijiet taż-żwiemel

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li fil-ġranet li ġejjin il-Gvern mistenni jħabbar proġett kbir ta’ investiment fil-korsija tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM spjegaw li l-investiment totali mistenni jlaħħaq it-€28 miljun.

Hu mifhum li l-partijiet kollha tat-trakka se jgħaddu minn restawr, rinovar u tisbiħ, b’kostruzzjoni wkoll ta’ diversi stabbilimenti biswit it-trakka. Minkejja dan, l-ewwel xogħol mistenni jibda u jitlesta fuq it-trakka nnifisha, bix-xogħol imbagħad jiffoka fuq dawk l-aspetti kummerċjali anċillari.

 Il-Gvern se jkun qed idaħħal €800,000 mill-kirja tat-trakka

Apparti minn hekk, l-ILLUM tinsab infurmata li bl-investiment il-ġdid it-tiġrijiet taż-żwiemel se jiddifersifikaw u fl-istess waqt jaf jiġu introdotti tiġrijiet tal-klieb fl-istess trakka. Fl-istess waqt se jkun qiegħed issir investiment kbir fil-faċilitajiet disponibbli għall-ġerrejja u żwiemel b’saħanistra installazzjoni ta’ spa għaż- żwiemel.

Il-Gvern se jkun qiegħed idaħħal ukoll €800,000 fis-sena mill-kirja tat-trakka lill-klabb tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Il-proġett hu mistenni jagħti kontribut lit-turiżmu fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Inizjalment il-pjanijiet ta’ żvilupp u riġenerazzjoni tal-Marsa Race Track bdew fis-sena 2015. Dakinhar il-Gvern kien ħareġ sejħa għall-interess u saħansitra ffirma ftehim ma’ numru ta’ investituri li kienu se jieħdu t-trakka f’idejhom. Minkejja dan, l-ebda xogħol ma beda fuq il-proġett minħabba nuqqas ta’ qbil fuq żvilupp, mhux fil-ftehim li kellhom f’moħħhom l-investituri.

More in Politika