Rosette Thake u ħu Chris Said fost il-firmatarji biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali

L-illum.com.mt jiżvela kif l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN hija fost dawk li ffirmaw il-petizzjoni biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali

Rosette Thake
Rosette Thake

Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat illi fost dawk li ffirmaw biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-tmexxija ta' Adrian Delia, kien hemm l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake. Thake hija meqjusa bħala persuna li tappoġġja aktar l-istil ta' tmexxija ta' Simon Busuttil u hija waħda mill-politiċi u eks politiċi li jattendu mixjiet u dimostrazzjonijiet favur Daphne Caruana Galizia u x-xogħol ġurnalistiku tagħha.

Imma mhux biss. Dan is-sit jinsab infurmat li fost dawk li ffirmaw din il-petizzjoni kien hemm ukoll iben Eddie Fenech Adami, Michael Fenech Adami kif ukoll Edward Said, li jiġi ħu Chris Said u li huwa s-Sindku tan-Nadur. 

Intant jirriżulta li l-ebda Deputat ma ffirma din il-petizzjoni. Minkejja dan, għada l-gazzetta ILLUM se tiżvela l-kummenti tagħhom dwar Adrian Delia u jekk jaħsbux li dan għandu jirreżenja. 

Il-PN se jkollu jlaqqa' l-Kunsill Ġenerali li fih se jiddeċiedi jekk iridx lil Adrian Delia jibqa' jmexxi jew inkella jekk jippreferix li Delia jirreżenja u minfloku jkun elett Kap ġdid.

More in Politika