117-il persuna jinqabdu fil-fatt joħorġu l-iskart fil-ġurnata ħażina

L-aktar li nqabdu persuni kienu f'Buġibba/Qawra u Marsaskala

Mill-bidu ta’ din is-sena sas-26 ta’ Ġunju 2019, l-Awtorità Għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qabdet 117-il persuna toħroġ skart f’dati li mhux suppost jew mill-ġurnata ta’ qabel. L-iktar li nqabdu kienu nies fil-Qawra u Buġibba (55), segwit minn Marsaskala (26).

Mal-14-il uffiċjal mid-Direttorat tal-Infurzar tal-ERA iwettqu ronda almenu darbtejn kull ġimgħa madwar Malta u Għawdex, u joħorġu multi amministrattivi ta’ €150 meta jaqbdu persuni jiksru l-liġi fil-fatt. Dawn ir-rondi jsiru kemm tul il-jum u kif ukoll minn filgħaxija sa tard fil-lejl. Il-Local Enforcement System Agency (LESA) huma ukoll responsabbli għall-infurzar fuq dawn il-materji.  Dan ir-rwol tal-ERA ta’ infurzar huwa separat mir-rwol tal-ġbir tal-iskart.

Minn Ottubru tas-sena li għaddiet, uffiċjali tal-ERA bdew iwettqu eżerċizzji ta’ ronda fi bliet u rħula mifruxa minn-nofsinhar sat-tramuntana tal-pajjiż, inkluż fil-gżejjer Għawdxin. Fl-ewwel tliet xhur li beda jitwettaq dan l-eżerċizzju, ir-rwol tal-uffiċjali tal-ERA xaqleb aktar lejn l-edukattiv, fejn bdew javviċinaw lil dawk li jiksru l-liġi u jispjegawlhom liema borża jridu joħorġu, skont id-data, kif ukoll il-kontenut li l-borża jrid ikun fiha skont il-liġi.

L-ERA tintervjeni wkoll meta tinnota nies qed jitfgħu skart mal-art fil-Bring-In Sites, minflok fil-kontenituri t-tajba.  Jinħarġu multi ukoll għal min joħroġ l-iskart aktar minn erba’ sigħat qabel il-ħin li l-iskart jinġabar, bħal meta jinħareġ mill-lejl ta’ qabel. Dan jgħodd għal kwalunkwe tip ta’ skart, inkluż dak ta’ ħwienet u ristoranti, sakemm dawn tal-aħħar ma jkollhomx kollettur privat li jkun ser jiġbor l-iskart fi żmien raġjonevoli.  Kien hemm sħansittra każijiet fejn nies inqabdu jisirqu l-boroż tal-iskart organiku, li huwa wkoll att illegali.

ERA bdiet toħroġ multi amministrattivi lil min taqbad fil-fatt, b’riżultat li dak ix-xahar inħarġu 13-il multa, li telgħu għal 32 fi Frar 2019

Minn Jannar ta’ din is-sena, ERA bdiet toħroġ multi amministrattivi lil min taqbad fil-fatt, b’riżultat li dak ix-xahar inħarġu 13-il multa, li telgħu għal 32 fi Frar 2019.  Wieħed jeħtieġ jifhem li sabiex l-uffiċjai tal-ERA joħorġu dawn it-tip ta’ multi, iridu jaraw b’għajnejhom lill-persuni jpoġġu l-borża tal-iskart fil-post, data jew ħin ħażin. Għaldaqstant in-numri jirriflettu biss lil dawk in-nies li jinqabdu f’ħin u mument speċifiku, u mhux lil kull min qed jikser il-liġi. Il-multi nħarġu kemm fuq nies Maltin, kif ukoll fuq barranin.  Minflok dawn il-multi amministrattivi, jistgħu jittieħdu passi fil-qrati.

Mario Schembri, kap tad-Direttorat li jħares il-konformita’ u infurzar fi ħdan l-ERA, appella lill-pubbliku biex isegwi l-ħinijiet u r-regoli stipulati mill-liġi, kif indikat mill-Kunsilli Lokali rispettivi. Fakkar li l-multi amministrattivi huma ta’ €150, u jekk każ jittella’ l-Qorti, l-ispejjeż jistgħu addirittura jitilgħu iktar. Madanakollu, sostna li r-raġuni primarja għaliex wieħed għandu jissepara l-iskart kif titlob il-liġi mhuwiex il-biża’ mill-multi, iżda l-kuxjenza u r-rieda tajba li timmotiva lil kull ċittadin jaqdi dmirijietu favur ambjent aħjar għalih, għal uliedu u għal ta’ madwaru.

More in Politika