Jitkompla x-xogħol ta' twaqqigħ u skavar fi 318-il sit

Bdiet ukoll ħidma biex ikun hemm reġistru tal-kuntratturi

Kompla x-xogħol fuq 318-il sit ta’ kostruzzjoni u dan wara li l-periti ta’ dawn il-proġetti ċċertifikaw li ma kienx hemm periklu għall-proprjetà ta’ terzi li jmissu mas-sit.

Qalu dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn taw aġġornamenti dwar l-iżviluppi li saru mir-Riforma tas-Settur tal-Bini u tal-Kostruzzjoni li ġiet fis-seħħ nhar it-Tlieta.

Ix-xogħol kollu ta’ twaqqigħ u skavar kien wieqaf u dan fuq ordni tal-Gvern wara l-aħħar inċidenti li raw binijiet jew partijiet minnhom, viċin siti ta’ kostruzzjoni, jiġġarfu.

Wara li daħlu fis-seħħ regoli ġodda, ix-xogħol seta’ jitkompla jekk ikun iċċertifikat li ma kien hemm l-ebda periklu għal persuni terzi.

Il-Ministru Borg qal li apparti t-318-il proġett li tkompla, bdew deħlin ukoll numru ta’ method statements bir-regoli l-ġodda.

Bdiet ukoll ħidma biex ikun hemm reġistru tal-kuntratturi

Ħabbar li l-Kamra tal-Inġiniera jaqblu li l-professjonisti tagħhom jistgħu jkunu parti minn dawn ir-riformi, u l-istess jgħodd għall-gradwati tal-BSc Construction Engineering.

Min-naħa tal-bennejja se tingħata l-opportunità lil dawk il-bennejja li għandhom liċenzja u ma kinux regolari fil-ħlas biex issa jirregolarizzaw l-arretrati kollha filwaqt li bdiet ħidma biex ikun hemm reġistru tal-kuntratturi b’kollaborazzjoni mal-Malta Developers’ Association.

“Il-kuntratturi jibqgħu responsabbli għas-saħħa u għas-sigurtà u għall-użu tal-apparat mill-ħaddiema fuq is-sit tal-kostruzzjoni inkluż l-użu ta’ crane,” saħaq ll-Ministru.

More in Politika