L-MUT se topponi 'bil-qawwi' t-tneħħija tal-eżamijiet tal-benchmark

Tinsisti li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni jeżistu mill-inqas żewġ kurrenti li mhumiex qed jaħdmu flimkien

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) fetħet il-kanuni kontra l-Ministeru għall-Edukazzjoni u saħqet li se tkun qed topponi “bil-qawwi” d-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi l-eżami tal-aħħar tas-sitt sena fl-2021, jew kif inhun magħruf bħala l-benchmark.

Fi stqarrija, l-MUT saħqet li din ir-riforma tħabbret bħal sajjetta fil-bnazzi, liema riforma qatt ma kienet ġiet diskussa mal-MUT fit-taħditiet tal-Ftehim Settorjali.

L-MUT insitiet li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni jeżistu mill-inqas żewġ kurrenti li mhumiex qed jaħdmu flimkien.

Fakkret kif din is-sena beda proċess ta’ tibdil fil-Primarja fejn qed jiddaħħlu forom ta’ assessjar kontinwu minbarra l-eżamijiet. Dan qed jiddaħħal gradwalment u ser jimxi mal-istudenti sena wara l-oħra, sabiex studenti li llum qegħdin fit-tielet sena u li ser ikunu fis-sitt sena fis-sena skolastika 2021/2022 ser ikunu qed jesperjenzaw is-sistema sħiħa ta’ assessjar kontinwu li tinkludi l-benchmark.

Mill-banda l-oħra, ir-riforma l-ġdida, li tħabbret ilbieraħ, ser tneħħi l-eżami tal-aħħar tas-sitt sena u ser taffettwa lil grupp ta’ studenti li ma hux affettwat mill-bidla fl-assessjar li qed isir.

“Dan ifisser li l-pjanijiet eżistenti tal-assessjar fil-Primarja ser jaraw bidla radikali fid-direzzjoni qabel ma l-istudenti affettwati jkunu esperjenzaw l-assessjar kif qiegħed jiġi mibdul. Huwa ċar li din id-deċiżjoni qed issir mingħajr konsiderazzjoni, mingħajr direzzjoni u b’inkonsistenza kbira mal-ħidma li saret u qed issir fl-assessjar,” saħqet l-MUT.

Il-Unjin insistiet ukoll li dak li ġie propost mhuwiex riflessjoni tal-fehma tal-edukaturi u lanqas ma huwa konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali tal-2012, li jistabbilixxi li l-assessjar permezz ta’ eżami fuq livell nazzjonali għandu jinżamm fis-sitt sena tal-Primarja.

“Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed jikkontradixxi wkoll lilu nnifsu fi ftit jiem. Dan wara li għamel kruċjata sħiħa sabiex l-istudenti ma jitilfux l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika minħabba tilwima industrijali meta issa, ftit jiem wara, qiegħed iħabbar li ser ineħħi l-eżamijiet formali tal-Malti, Ingliż u l-Matematika tas-sitt sena,” kompliet l-MUT.

Il-Unjin saħqet kif jekk wieħed iħares lejn dan ir-rapport jinduna li jġib id-data Ġunju 2018, jiġifieri għamel sena fuq l-ixkaffa qabel ma ġie ppreżentat u li l-proposti mressqa jispeċifikaw tibdil li kellu jsir matul din is-sena skolastika, liema tibdil ma sarx minħabba li r-rapport ma ħariġx.

“L-MUT fil-passat ikkritikat diversi amministrazzjonijiet edukattivi li kienu jħabbru tibdil jew riformi matul ix-xhur tas-sajf. Dan kien isir konvenjentement għaliex l-edukaturi jkollhom inqas opportunità li jiddiskutu l-proposti fl-iskejjel u  jiffurmaw pożizzjonijiet dwar dak li jkun qiegħed jiġi propost. Jidher issa li t-tali tattika qed terġa’ tintuża,” insistiet il-Unjon.

Temmet tgħid li hi qatt ma rat il-25 proposta li ġew ippreżentati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, u dawn lanqas ma ġew ippreżentati fil-Bord tal-Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kurrikulu fejn hemm l-imsieħba kollha inkluż l-MUT (l-NCF). Għalhekk ħabbet li se tkun qed topponi din ir-riforma.

More in Politika