Salvini jhedded li jarresta lill-ekwipaġġ tas-Sea Watch 3

Abbord dan il-bastiment hemm 42 persuna li ilhom ħmistax-il ġurnata bejn sema u ilma

Id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini qed iwissi li lest jibgħat Pulizija abbord il-bastiment Sea-Watch 3 waqt li insista li jkun kuntent jekk dan il-bastiment ikun sekwestrat u l-ekwipaġġ arrestat.

Salvini qal dan wara li l-bastiment Sea-Watch 3, li ilu ħmistax bejn sema u ilma jġorr fuqu 42 persuna, mar qrib il-gżira Taljana ta’ Lampedusa u dan minkejja twissijiet biex jibqa’ ‘l barra mill-ibħra territorjali Taljani.

Hu mifhum li Gwardji tal-Kosta Taljani diġà jinsabu abbord dan il-bastiment fejn talbu ċ-ċertifikati tal-vapur u l-passaporti tal-ekwipaġġ u bħalissa qed jistennew struzzjonjiet dwar dak li għandu jagħmlu. 

“Sea Watch għamel battalja politika minn fuq dahar 42 persuni. Fi 15-il ġurnata kienu jmorru u jiġu mill-Olanda darbtejn. Irrifjutaw il-porti siguri l-aktar viċini. Qed jgħinu biss lit-traffikanti tal-bnedmin,” kiteb Salvini f’waħda minn sensiela ta’ Tweets.

“Mhux se nippermetti li jkunu għaqdiet barranin li jiddettaw il-liġijiet fuq il-konfini nazzjonali ta’ pajjiż bħall-Italja,” kiteb fi Tweet oħra.

F’intervista fuq radju Taljan, kif irrappurtat fuq midja Taljana, Salvini saħaq li l-dawk li jinsabu abbord is-Sea Watch mhumiex persuni li ġew salvati mill-baħar għax sabu ruħhom f’diffikultà, iżda persuni li ħallsu 3,000 dollaru biex ħarbu minn pajjiżhom.

“Fl-Italja qed jaslu eluf ta’ immigranti ċċertifikati li qed jaħarbu mill-gwerra. Nittama li jkun hemm xi ħadd li jafferma li fuq dak il-bastiment hemm persuni li mhux jimxu mal-liġi, l-ewwel u qabel kollox il-kaptan,” kompla jisħaq id-Deputat Prim Ministru.

Intant, il-kaptan tal-vapur qed tinsisti li l-immigranti jinsabu fi stat iddisprat.

More in Politika