Mifsud Bonnici u Perici Calascione fost dawk li ħarġu għall-karigi importanti fil-PN

Ta' Delia u ta' kontrih jirsistu biex jieħdu rwoli importanti fil-Partit Nazzjonalista

Illum għalqu n-nominazzjonijiet biex jimtlew tliet rwoli importanti fil-Partit Nazzjonalista, jiġifieri l-President tal-Kunsill Amministrattiv, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv u t-Teżorier.

Għall-kariga ta' President tal-Kunsill Amministrattiv tefgħu n-nomina Graham Bencini, il-President tal-Forum tal-Professjonisti tal-PN li kien wieħed minn dawk li ffirma biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali u d-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici li jidher li dan l-aħħar kien qed joħroġ għonqu għal Adrian Delia waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari.

Għall-President tal-Kumitat Eżekuttiv tefgħu isimhom Graziella Attard Previ, magħrufa bħala persuna viċin Delia u Alex Perici Calascione li mhux biss kien ikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, iżda dan l-aħħar kien kritiku tat-tmexxija ta' Delia.

Għall-kariga ta' teżorier, tefa' ismu Charles Selvaggi.

Il-kariga ta' President tal-Kunsill Amministrattiv kienet vakata minn David Stellini li rriżenja minn Deputat Parlamentari biex jirritorna għax-xogħol tieħu fi Brussell filwaqt li Mark Anthony Sammut irriżenja minn President tal-Kumitat Eżekuttiv għax fi kliemu ħass li kellu jerfa' r-responsabbilità tat-telfa waqt li ħadha qatta' bla ħabel kontra Delia u t-tmexxija.

David Camilleri kien irriżenja wara l-kontroversja dwar il-vot tal-Kumitat Eżekuttiv għall-co-option tas-siġġu li ħalla Stellini.

More in Politika