Jibdew jinġabru l-firem biex il-Kunsill Ġenerali tal-PN ma jitlobx vot ta' sfiduċja f'Delia

Ittra li qed iddur fost il-membri tal-Kunsill Ġenerali tiftaħ il-kanuni kontra Deputati Nazzjonalisti li mhux jiġbdu l-istess ħabel ta' Delia

Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qed jiġbru l-firem biex iwaqqgħu t-talba li beħsiebhom jagħmlu 'l fuq minn 150 membru ieħor tal-istess Kunsill biex jintalab vot ta' sfiduċja kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Is-sit illum.com.mt ra din l-ittra li qed tiddawwar fost il-membri tal-Kunsill Ġenerali li permezz tagħha beħsiebhom jitolbu lill-President tal-Kunsill, Kristy Debono biex tiċħad kwalunkwe talba li ssirilha biex jiġi msejjaħ u jinżamm Kunsill Ġenerali straordinarju.

"Il-Kap tal-Partit intgħażel mit-tesserati u dik id-deċiżjoni m'għandu dritt jibdilha ħadd. Dan la jippremettih l-istatut u wisq anqas ir-rispett lejn il-vot u r-rieda tat-tesserati, lejn id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Fi kliem dawn il-membri, ir-responsabbilità għandha tinġarr b'mod kollettiv, billi ssir diskussjoni b'mod matur u fl-interess biss tal-partit u "mhux dak personali."

"Ma hemm l-ebda dubju li partit maqsum qatt ma jista' jirbaħ elezzjoni. Huwa wkoll sigriet magħruf li meta Dr Delia ħa l-ġurament tal-ħatra huwa ma tħallix jaħdem b'mod seren minn dawk stess li għamlu minn kollox biex ma jsirx kap," saħqu l-membri. "L-imġieba xejn etika ta' ċertu deputati u uffiċjali li qatt ma aċċettaw il-verdet mogħti mit-tesserati żgur ma għinx is-sitwazzjoni biex nimxu 'l quddiem."

Huwa wkoll sigriet magħruf li meta Dr Delia ħa l-ġurament tal-ħatra huwa ma tħallix jaħdem b'mod seren minn dawk stess li għamlu minn kollox biex ma jsirx kap

Il-membri saħansitra insistew li waħda mir-raġunijiet għad-disfatta li ġarrab il-PN kienet l-imġieba ta' dawn id-Deputati "flimkien mal-kampanja sistematika, koordinata u organizzata bl-għajnuna ta' psewdo-bloggers u/jew psewdo NGOs."

"L-istess nies li kienu l-kaġun tat-telfa kbira tal-elezzjoni tal-2013 u li t-tesserati warrbu fl-2017 huma l-idejn moħbija wara dan il-manuvar politiku," tkompli l-ittra.

Irreferew ukoll għat-tfixkil li fi kliemhom sab ma' wiċċu Adrian Delia fosthom informazzjoni li nħarġet u ngħatat lill-midja, fosthom anke minn laqgħat tal-Grupp Parlamentari jew inkella Deputati li jieħdu pożizzjoni fuq kwistjonijiet qabel ma jikkonsultaw mal-partit.

Għalhekk dawn il-membri, permezz ta' din l-ittra qed jappellaw biex minnufih, kulħadd fil-partit jintalab jiġbed ħabel wieħed, jittieħdu l-passi kollha biex Deputati li jibqgħu ma jiġbdux ħabel wieħed ma jibqgħux jagħmlu ħsara u biex il-Partit jibda jiġbed lejh dawk in-nies li "twarrbu minħabba l-attitudni ta' dawk li akkost ta' kollox riedu jibqgħu jżommu l-kontroll tal-partit taħt idejhom."

More in Politika