Raġel Niġerjan jitlef libell kontra l-gazzetta MaltaToday

Il-każ imur lura għas-sena 2016

Raġel Niġerjan tilef libell li kien fetaħ kontra l-kumpanija MediaToday wara artiklu li kien deher fuq il-ġurnal MaltaToday, f’Ġunju tal-2016.

L-artiklu kien jirreferi għan-Niġerjan bħala iben Ministru Niġerjan kontroversjali li uża intermedjarji f’Malta biex ikun jista’ jiftaħ kumpanija fil-British Virgin Islands.

Madanakollu, ir-raġel kien qed jisħaq li huwa iben Edward Gunn Etete u mhux iben Dan Etete li kien Ministru Niġerjan.

Ir-raġel tilef il-libell għal diversi raġunijiet, l-ewwel u qabel kollox għax fetaħ dan quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili meta skont l-Att dwar il-Midja u l-Malafama dan jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Maġistrati.

Apparti minn hekk, il-każ kien ġie preskritt għax il-libell infetaħ aktar minn sena wara li kien ippubblikat l-artiklu.

Il-Qorti nnutat ukoll kif il-libell infetaħ kontra l-kumpanija meta suppost, azzjoni ta’ libell, tista’ titressaq biss kontra individwi, jiġifieri f’dan il-każ jew l-awtur jew inkella l-editur.

Il-pubblikazzjoni kienet tneħħiet ukoll minnufih.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti ddeċidiet li tieqaf bis-smigħ tal-kawża, bir-raġel jintalab iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

More in Politika