Azzopardi jisħaq li l-Kunsill Ġenerali jrid jiddeċiedi meta ssir talba minn 150 kunsillier

Dan wara li persuni oħra viċin Adrian Delia qed jinsistu li l-Kunsill Ġenerali ma għandu l-ebda poter biex ibiddel deċiżjonijiet dwar l-elezzjoni tal-Kap

Id-Deputat Jason Azzopardi kkwota wieħed mill-paragrafi tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista li jispjega kif il-Kunsill Ġenerali għandu jiddeċiedi fuq kull proposta li tkun imressqa wara talba ta' mhux inqas minn 150 membru tal-Kunsill Ġenerali.

Anke jekk dan il-paragrafu 26 ma jsemmi l-ebda vot ta' fiduċja jew sfiduċja fil-Kap tal-partit, Jason Azzopardi poġġa enfasi fuq il-kelma 'kull,' biex jinsisti li wara kwalunkwe talba li ssir minn 150 kunsillier jew aktar, irid jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali biex jiddeċiedi.

Jidher li Azzopardi kien qed jirreaġixxi għal artiklu fuq The Times of Malta, b'sorsi viċin il-Kap Nazzjonalista jisħqu li skont l-istatut, filwaqt li l-Kunsill Ġenerali huwa l-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista, artiklu 25 jgħid iswed fuq l-abjad li ma għandu l-ebda poter biex ibiddel deċiżjonijiet dwar l-elezzjoni tal-Kap u ż-żewġ deputati mexxejja.

Skont rapporti, anke wara dak li żvelat il-gazzetta ILLUM, inġabru biżżejjed firem biex issir talba forma biex jitlaqqa' l-Kunsill Ġenerali għal vot sigriet dwar Adrian Delia.

Il-gazzetta ILLUM hija infurmata li fl-aħħar jiem kienu qed isiru telefonati lil diversi kunsilliera tal-PN minn attivisti, ħafna minnhom viċin deputati li jridu lil Delia jitlaq. Dawk li tkellmu magħna qalu illi fost l-aktar attivi hemm persuni qrib Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami. Dawn huma l-istess deputati li kienu wara firem fil-Grupp Parlamentari biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.  

Intant, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono, f'kummenti mal-MaltaToday, saħqet li ħadd għadu ma kellimha u għadha ma rċeviet l-ebda ittra biex tlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.

Mistoqsija x'jiġri f'każ li tirċievi l-petizzjoni b'aktar minn 150 firma, Debono spjegat li jkollha ġimgħa ċans biex tlaqqa' l-Kunsill Ġenerali.

 

More in Politika