Il-ġlieda ta' Delia biex jikseb kopja sħiħa tar-rapport Egrant se tkompli nhar it-Tnejn

L-appell li kien fetaħ il-Kap Nazzjonalista kellu jibda llum iżda l-ewwel smigħ tmexxa għal bħal-lum ġimgħa

L-appell li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bil-għan li jikseb kopja sħiħa tar-rapport ta’ 1,500 paġna dwar l-inkjesta Egrant, se jkun qed jibda jinstema' nhar it-Tnejn li ġej.

Il-każ kellu jiftaħ illum, iżda l-Qorti Kostituzzjonali mexxietu għall-ġimgħa d-dieħla.

Għaxart ijiem ilu, il-Qorti Kostituzzjonali, mmexxija mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, ċaħdu t-talba biex il-każ jinstema’ b’urġenza u ddeċidew li kellu jibda jinstema’ mit-Tnejn 24 ta’ Ġunju.

Qabel, jiġifieri f’Mejju, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet talba ta’ Adrian Delia biex jingħata kopja tar-rapport, bil-Qorti tiddeċiedi li meta l-Avukat Ġenerali rrifjuta li jagħtih ir-rapport sħiħ ma kienx qed jiksirlu d-drittijiet tiegħu.

Intant, fi proċeduri separati, il-grupp Repubblika kienu fetħu applikazzjoni urġenti fil-Qorti jitolbu lill-Qorti tal-Maġistrati biex tordna li l-Ministru Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona jesebixxu l-kopji tar-rapport Egrant.

Dan wara li skont l-attivisti, il-Ministri dehru jikkwotaw minn dan ir-rapport fil-proċeduri miftuħa mill-istess grupp Repubblika li qed jinsisti li l-Ministri għandhom jiffaċjaw proċeduri kriminali dwar il-każ tal-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

More in Politika