FAA tisħaq li r-regoli l-ġodda qed inaqqsu mir-responsabbilità tal-kuntratturi

Tinsisti fost oħrajn li baqa' qatt ma semma l-bżonn li jkunu introdotti l-liċenzji għall-kuntratturi

Flimkien għal Ambjent Aħjar qed tisħaq li r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni għal waqt ix-xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u kostruzzjoni ma jindirizzawx kwistjonijiet urġenti u saħansitra insistiet li dawn se jfissru passi lura minflok ‘il quddiem.

Fost affarijiet oħra, Flimkien għal Ambjent Aħjar tirreferi għall-proposta biex meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti, il-maniġer tas-sit jew inkella l-perit ikunu preżenti fuq il-post fejn ikun se jsir ix-xogħol.

Fi kliem l-NGO, dan ifisser li r-regoli l-ġodda qed ipoġġu inqas enfasi fuq ir-responsabbilità tal-kuntratturi.

Insistiet li lanqas ma jsemmu l-introduzzjoni tal-liċenzji għall-kuntratturi, li jfisser li dan is-settur jibqa’ miftuħ anke għal dawk li ma għandhom l-ebda esperjenza.

Fakkret ukoll li r-regoli l-ġodda lanqas ma jitkellmu fuq il-bżonn li dawk il-kuntratturi responsabbli mit-twaqqigħ u l-iskavar, dawn li joperaw il-krejnijiet, il-foremen u ħaddiema oħra jgħaddu minn taħriġ kontinwu, bil-għan li jindunaw meta jfeġġu l-ewwel sinjali ta’ periklu li jpoġġu f’riskju lilhom stess u lil terzi persuni.

Fuq kollox, tkompli tisħaq l-FAA, ir-regoli l-ġodda lanqas ma’ żiedu l-infurar tal-Pulizija meta kuntrattur ifalli milli jżomm id-distanza ta’ 76 ċentimetru mill-appoġġi meta jkun qed jiskava f’post ta’ kostruzzjoni biswit bini ieħor.

“Meta falliet milli tindirizza l-kwistjonijiet reali, huwa ċar li l-leġislazzjoni kienet imfassla biex ma jkunx penalizzat is-settur li spiċċa jwerwer residenti bis-sigurtàa tad-djar tagħhom stess,” temmet tgħid l-FAA.

Nhar il-Ġimgħa li għadda għalqet konsultazzjoni pubblika dwar regoli ġodda għal waqt xogħol ta' twaqqigħ u skavar.                    

More in Politika