Il-Gvern b’ħidma sabiex jitkeċċew okkupanti abbużivi mill-Forti Ricasoli

Il-PA tapprova l-pjanijiet ta’ restawr estensiv fil-Forti Ricasoli iżda l-ewwel iridu jitkeċċew nies li għal żmien twil għamlu l-Forti Ricasoli d-dar tagħhom. L-ILLUM tkellmet mal-partijiet interessati fir-restawr ta’ dan id-djamant storiku sal-lum mitluq

Numru ta’ persuni li matul is-snin għamlu l-Forti Ricasoli d-dar tagħhom se jkunu qegħdin jiġu żgumbrati. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta żvelaw li waħda mill-isfidi sabiex jibda x-xogħol ta’ restawr u riġenerazzjoni fl-akbar fortizza f’Malta kienet propju biex ikeċċu lil dawn l-okkupanti abbużivi ’l barra mill-Forti Ricasoli.

L-ILLUM tinsab informata li b’mod kollettiv il-Gvern kien ilu jaħdem biex jindirizza din il-problema u jidher li l-proċess sabiex dawn l-okkupanti abbużivi jiċċaqalqu għaddej bħalissa.

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech jispjega li wara sforz interdipartimentali konġunt, il-proċess jinsab miexi sew. “Dawn in-nies kollha se jitkeċċew,” saħaq Grech. Il-Forti Ricasoli jintuża wkoll mir-Ricasoli Film Facilities li hija mmexxija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permessi neċessarji għal restawr estensiv fil-Forti Ricasoli. Għalkemm tista’ tgħid li l-Forti kollha tinsab fi stat dilapitat l-aktar żoni li qed iqajmu tħassib fost dawk li għandhom għal qalbhom il-patrimonju Malti huma dawk is-swar li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra tal-port, li xi wħud diġà waqgħu minħabba l-elementi naturali u li mistennijin ikunu ta’ sfida sabiex wieħed jirrestawra.

Minkejja li l-pjanijiet ta’ restawr ġew approvati l-ġimgħa l-oħra, fix-xhur li għaddew il-Kummissjoni Maltija tal-Films ħadet inizjattiva sabiex tnaddaf il-Forti Ricasoli u tirranġa xi partijiet minnha.

Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta tkellmet mal-partijiet interessati kollha f’dan il-pjan ta’ restawr.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qalet li tilqa' b'sodisfazzjon l-aħbar li l-permessi għall-pjan estensiv ta' restawr tal-Forti Ricasoli fil-Kalkara ġew finalment approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

“L-Assoċjazzjoni temmen li dan il-pass huwa wieħed pożittiv biex isir pjan konkret u fit-tul għal din il-binja storika li ġiet mitluqa għal wisq snin, b'detriment mhux biss għall-istruttura fiha nnifisha, iżda wkoll għall-bażi ġeoloġika tagħha, saħqet l-Assoċjazzjoni.

Żiedet tgħid li, “matul l-aħħar ġimgħat, l-Assoċjazzjoni kienet infurmata li bdew xi xogħlijiet preliminari li jawguraw tajjeb għal proċess sħiħ ta' konservazzjoni, u għaldaqstant nistennew bil-ħeġġa l-mument meta x-xogħlijiet ta' restawr jibdew fuq il-post.”

Matul is-snin din l-Assoċjazzjoni kienet strumentali biex tqajjem kuxjenza dwar l-akbar fortifikazzjoni f’Malta inkluż f’diversi intervisti u artikli fuq din il-gazzetta.

L-ILLUM tkellmet ukoll mas-Sindku l-ġdid tal-lokalità Wayne Aquilina. Huwa saħaq li, “din hija aħbar tajba għall-Kalkariżi, iżda mhux biss, din hija aħbar tajba għall-poplu Malti għaliex tkun ħasra kbira jekk nitilfu din il-forti storika.”

Aquilina għamel referenza wkoll għall-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-Kalkara.

“Wegħedna li rridu naħdmu mal-awtoritajiet ċentrali sabiex tiġi rrestawrata din il-forti u sabiex jiġi studjat l-użu potenzjali ta' dan is-sit. Illum, li l-poplu Kalkariż fdani b'mandat biex immexxi dan il-lokal, irrid nimpenja ruħi biex dan isir, għaliex bħala sindku u bħala Kalkariż, verament nemmen fil-potenzjal ta' din il-forti, kemm għal raħalna, kif ukoll għal pajjiżna,” saħaq is-Sindku.

Apparti minn hekk Aquilina saħaq li se jkun qiegħed jimpenja ruħu sabiex kull forma ta’ wirt storiku fil-Kalkara jiġi ppreservat.

Fil-kummenti tiegħu d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, li huwa inkarigat mill-istrateġija għall-Kottonera qal li, “ninsab sodisfatt li

l-isforz li għamilna, u l-laqgħa li saret bejn il-partijiet kollha kordinata mill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta bdiet tħalli r-riżultati.”

Bedingfield qal li, l-approvazzjoni tal-permess għar-restawr mill-Awtorità tal-Ippjanar huwa l-ewwel pass minn mixja sħiħa li rridu nagħmlu biex il-Forti Ricasoli jkun irrestawrat kif jixraq. “Inħares 'il quddiem biex nara x-xogħol isir u li se jkun mifrux fuq għadd ta' snin. I

r-restawr tal-Forti Ricasoli u postijiet oħra ta' wirt kulturali kbir fil-Kottonera huwa ewlieni fl-istrateġija għall-Kottonera għaliex aħna nemmnu li l-bini kulturali li għandna fil-lokalitajiet tagħna jista’ jservi bħala mod ta' għixien bil-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol,” temm jgħid id-Deputat Laburista.

L-istorja tal-Forti Ricasoli

Il-kostruzzjoni tal-forti bdiet taħt id-direzzjoni tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1670 u spiċċat fl-1698. Fi żmien l-Imperu Ingliż, dan il-Forti kompla wkoll jintuża bħala fortifikazzjoni militari. Ġaladarba taħt il-Gvern Ċentrali ta’ Malta, dan il-Forti kien spiċċa abbandunat sakemm imbagħad beda jintuża bħala ċentru għall-ħażna ta’ materja prima.

Apparti minn dan, fl-1964 il-foss ta’ barra tar-Ricasoli beda jintuża bħala faċilità ta’ tindif tat-tankijiet għat-Tarzna ta’ Malta. L-istess faċilità baqgħet tintuża sakemm kienet ġiet ipprivatizzata fl-2012 u għaddiet taħt it-tmexxija ta’ Waste Oils Co. Illum Fort Ricasoli huwa mikri lill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta u kontinwament jiġi użat b'mod estensiv bħala sett għal diversi films. Fost il-films li nġibdu ġewwa r-Ricasoli nsibu: Gladiator (2000) Troy (2004) u Assasin’s Creed (2016).

More in Politika